Karti tal-flus iddanneġġati jew imtebbgħa bil-linka
Karti tal-flus danneġġati
Il-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro jaħdmu biex jiżguraw li l-karti tal-flus tal-euro kollha jkunu awtentiċi u mhux danneġġati jew maħmuġin qabel ma jerġgħu jitpoġġew f’ċirkolazzjoni. Il-banek ċentrali jużaw magni kompletament awtomatizzati biex jiċċekkjaw u jissortjaw il-karti tal-flus li jirċievu sabiex iżommu standards għoljin ta’ kwalità. Il-karti tal-flus maħmuġin jew danneġġati jinqerdu.
Nista’ nitlob li l-karti tal-flus tiegħi jinbidlu jew jiġu rrimborżati?
Il-banek ċentrali nazzjonali fiż-żona tal-euro jibdlu kwalunkwe karta tal-flus tal-euro li tkun ġiet iddanneġġata, imqattgħa jew mgħarrqa aċċidentalment, dment li jintlaħqu ċerti kriterji. Jekk ikollok fil-pussess tiegħek aktar minn nofs karta tal-flus iddanneġġata, jew jekk tista’ ġġib prova li l-parti nieqsa tal-karta tal-flus inqerdet, il-bank ċentrali nazzjonali jista’ jibdilha. Il-karti tal-flus tal-euro li jkunu ġew mgħarrqin jew iddanneġġati apposta ma jiġux sostitwiti.
Bħala regola ġenerali, il-bdil huwa bla ħlas. Jekk jogħġbok ikkuntattja lill-bank ċentrali nazzjonali rispettiv tiegħek għal aktar informazzjoni.
Karti tal-flus imtebbgħin bil-linka
Qatt rajt karta tal-flus miksija bil-linka?
Jekk xi ħadd jagħtik karta tal-flus li tkun miksija bil-linka, taċċettahiex, għax aktarx tkun misruqa. Xi karti tal-flus imtebbgħin bil-linka jkunu ġew iddanneġġati minn apparat ta’ kontra s-serq bħala riżultat ta’ attività kriminali. Il-linka tiġi minn sistemi intelliġenti ta’ newtralizzazzjoni tal-karti tal-flus, li jiġu attivati meta l-kriminali jiftħu kontenitur protett tal-flus kontanti bħal ATM jew sejf f’vettura armata. Dawn is-sistemi ta’ kontra s-serq iwasslu biex il-karti tal-flus misruqa ma jkunux jistgħu jintużaw u jitilfu l-valur, u b'hekk jitnaqqas ir-riskju għall-bejjiegħa bl-imnut, il-banek u ġestjonarji professjonali oħrajn tal-flus kontanti li jisfaw vittmi tal-kriminalità.
Filkwaqt li l-linka hija wieħed mill-aktar metodi komuni biex il-karti tal-flus misruqa ma jkunux jistgħu jintużaw, hemm għodod oħrajn għall-protezzjoni tal-flus kontanti, bħall-kolla. Il-kolla tgħaqqad il-karti tal-flus kollha f’kassett tal-ATM fi briksa solida. Jekk tipprova tneħħi l-karti tal-flus individwali, jitqattgħu f’biċċiet.
Kif tagħraf karta tal-flus misruqa mtebbgħa bil-linka?
Meta karta tal-flus tkun imtebbgħa b’apparat ta’ kontra s-serq, il-linka tas-sigurtà tinxtorob mill-karta tal-flus. Il-kuluri tal-linka tas-sigurtà l-iktar użati ta’ spiss huma l-vjola jgħajjat, l-aħdar, il-blu, l-aħmar jew l-iswed. Il-linka ġeneralment tgħaddi mit-truf lejn iċ-ċentru tal-karti tal-flus u tħalli disinn karatteristiku. Xi drabi, il-kimiċi li jużaw il-kriminali biex ineħħu l-linka tista’ tikkawża telf tal-kulur. Bħala riżultat ta’ dan, il-kuluri oriġinali tal-karti tal-flus jistgħu jinbidlu wkoll, u xi karatteristiċi tas-sigurtà jistgħu jiġu danneġġati jew saħansitra jisparixxu.
Il-karti tal-flus imtebbgħin bil-linka huma kollha misruqa?
Le. Jekk hemm tbajja’ ħfief ħafna jew xi żewġ marki żgħar biss fuq il-karta tal-flus u t-trufijiet huma intatti, allura l-marki wisq probabbli jkunu aċċidentali. Dawn it-tbajja’ jistgħu jkunu kkawżati minn pinna li tqattar il-linka, aktar milli minn apparat ta’ kontra s-serq. Dawn il-karti tal-flus x’aktarx li ma jkunux insterqu u jistgħu jiġu aċċettati:
U jekk xi ħadd jagħtini karta tal-flus fejn jidher ċar li tkun imtebbgħa bil-linka ta’ apparat kontra s-serq?
- Taċċettahiex – itlob waħda ġdida. Ma tistax tkun ċert li l-persuna li qed toffrilek l-karta tal-flus hija s-sid leġittimu.
Irrifjuta karti tal-flus ibbliċjati jew skuluriti, billi x’aktarx li l-kriminali jkunu ppruvaw ineħħu t-tbajja’ tal-linka kontra s-serq billi jaħslu jew jibbliċjaw il-karti tal-flus.
Jekk aċċettajt karta tal-flus imtebbgħa bil-linka, għandek toħodha għand il-bank tiegħek jew għand bank ċentrali nazzjonali, u tgħidilhom kif ġiet għandek. Il-bank ċentrali nazzjonali jivverifika jekk it-tebgħat tal-linka humiex minn apparat ta’ kontra s-serq u jista’ jsejjaħ lill-pulizija, li jistgħu jużaw il-karti tal-flus bħala evidenza fl-investigazzjonijiet tagħhom.
Tista’ ma tkunx intitolat għal rimborż jekk jirriżulta mill-investigazzjonijiet li t-tbajja’ tal-linka huma minn apparat ta’ kontra s-serq. Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jibdlu l-karti tal-flus tal-euro mtebbgħin minn apparat ta’ kontra s-serq biss fuq talba tas-sid oriġinali tal-karta tal-flus li kien il-vittma tal-attività kriminali li wasslet biex il-karti tal-flus jittebbgħu.
Jekk l-investigazzjonijiet jikkonfermaw li t-tbajja’ tal-linka mhumiex minn apparat ta’ kontra s-serq u l-karta tal-flus tkun ġiet immarkata aċċidentalment, inti tirċievi karta tal-flus ġdida jew l-ammont jiġi kkreditat fil-kont bankarju tiegħek.
Għandek iktar mistoqsijiet? L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-bdil ta’ karti tal-flus iddanneġġati jista’ jkollu t-tweġibiet.