Il-Bidla għall-Euro f’Ċipru u f’Malta
Fl-1 ta’ Jannar 2008, l-euro ġie introdott b’suċċess f’Ċipru u f’Malta. Sitt snin wara l-introduzzjoni tal-karti tal-flus u tal-muniti euro fit-tnax-il pajjiż ta’ l-ewwel fażi u sena wara li s-Slovenja adottat l-euro, din hija t-tielet bidla għall-euro ta’ suċċess.
Wara l-ewwel jum tax-xogħol ta’ l-2008, it-2 ta’ Jannar, is-sehem tal-karti tal-flus euro fost il-karti tal-flus kollha fiċ-ċirkolazzjoni kien diġà aktar minn 50% kemm f’Ċipru kif ukoll f’Malta. Il-bidla qiegħda sseħħ mingħajr xkiel u skond il-pjanijiet u dan grazzi għall-preparamenti u t-tħejjijiet f’waqthom u komprensivi u l-kooperazzjoni fost il-parteċipanti, ikkoordinati fil-pajjiżi rispettivi mill-Bank Ċentrali ta’ Ċipru u l-Bank Ċentrali ta’ Malta u mill-Gvernijiet Ċiprijott u Malti, u grazzi għall-kampanji estensivi ta’ informazzjoni mwettqa fiż-żewġ pajjiżi. Biex iċ-ċittadini ta’ Ċipru u ta’ Malta jidraw id-dehra viżiva tal-karti tal-flus u l-muniti euro, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Banek Ċentrali ta’ Ċipru u ta’ Malta użaw l-aħjar taħlita komunikattiva li kienet tinkludi r-riklamar, informazzjoni diretta mibgħuta fid-djar u attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi, biex jiġi żgurat li l-popolazzjoni kienet infurmata b’mod korrett u fi żmien. Ġew inklużi wkoll attivitajiet biex jiġu indirizzati l-gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni.
Fiż-żewġ pajjiżi l-euro ġie introdott f’daqqa (l-hekk imsejjaħ xenarju “big bang”), b’perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja ta’ xahar. Għaldaqstant l-euro ser ikun il-valuta legali unika mill-1 ta’ Frar 2008. Iż-żewġ banek ċentrali ser jibqgħu jsarrfu l-karti tal-flus il-qodma għal għaxar snin u l-muniti għal sentejn.
Biex jiġu koperti l-ħtiġijiet ta’ l-introduzzjoni, l-Eurosistema pprovdiet lill-Bank Ċentrali ta’ Ċipru b’total ta’ 79.1 miljun euro f’karti tal-flus b’valur nominali ta’ €1,730.0 miljun mill-istokk tagħha, filwaqt li l-Bank Ċentrali ta’ Malta rċieva total ta’ 72.0 miljun f’karti tal-flus b’valur nominali ta’ €1,566.0 miljun. Fir-rigward tal-muniti euro bin-naħat nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti taż-żewġ pajjiżi għażlu l-proċedura ta’ sejħa pubblika għal offerti biex jiksbu l-kwantitajiet meħtieġa. Fil-każ ta’ Ċipru, ġew prodotti mill-Mint of Finland 395.0 miljun munita euro b’valur nominali ta’ €100.3 miljun. Għall-Malta, il-Monnaie de Paris ipproduċa 200.0 miljun munita euro b’valur nominali ta’ €56.1 miljun.
Il-Bank Ċentrali ta’ Ċipru beda jipprovdi ( frontloading) l-muniti euro lill-banek kummerċjali u lill-istituzzjonijiet kooperattivi ta’ kreditu fit-22 ta’ Ottubru 2007; il- frontloading ta’ karti tal-flus euro beda fid-19 ta’ Novembru. Is- sub-frontloading lill-partijiet professjonali (eż. il-bejjiegħa bl-imnut u l-industrija tal-magni li jitħaddmu bil-kontanti) beda fl-istess żmien ta’ l-operazzjoni ta’ frontloading. Ġiet żgurata distribuzzjoni wiesgħa tal-muniti euro qabel il-bidla billi ġew ipprovduti madwar 40,000 sett ta’ muniti tal-bidu ppakjat minn qabel ta’ valur ta’ €172.00 (CYP 100.67) kull wieħed lin-negozji u lill-bejjiegħa bl-imnut mit-3 ta’ Diċembru. Il-pubbliku ġenerali ngħata l-opportunità li jixtri 250,000 mini-kit b’valur ta’ €17.09 (CYP 10.00) kull wieħed mill-istess data.
F’Malta l- frontloading tal-muniti euro beda fl-aħħar ta’ Settembru 2007, u l- frontloading tal-karti tal-flus euro beda fl-aħħar ta’ Ottubru. L-operazzjoni tas- sub-frontloading, inkluż id-distribuzzjoni tas-settijiet tal-bidu tal-muniti b’valur ta’ €131.00 (MTL 56.24) kull wieħed lin-negozji u lill-bejjiegħa bl-imnut, bdiet fl-1 ta’ Diċembru. Il-pubbliku ġenerali ngħata l-opportunità li jixtri 330,000 mini-kit b’valur ta’ €11.65 (MTL 5.00) kull wieħed, mill-10 ta’ Diċembru.
L-operazzjonijiet ta’ frontloading u sub-frontloading, li għenu biex tiġi żgurata distribuzzjoni wiesgħa tal-kontanti f’euro qabel il-bidla ntemmu fiż-żewġ pajjiżi kif kien skedat u jitqiesu li kienu fundamentali biex il-proċess kollu jimxi bla xkiel.
Fattur ieħor ta’ suċċess kien il-konverżjoni mgħaġġla tal-magni tal-flus (ATMs) li jew ġew ippreparati qabel l-“€-Day” (jum l-introduzzjoni ta’ l-euro) jew seħħet fl-1 ta’ Jannar 2008. Barra minn hekk, f’Ċipru numru ta’ friegħi tal-banek kummerċjali u istituzzjonijiet kooperattivi ta’ kreditu kollha kienu miftuħin fl-1 ta’ Jannar għall-iskop biss li jsarrfu l-liri Ċiprijotti f’karti tal-flus u muniti euro. Fiż-żewġ pajjiżi l-bejjiegħa bl-imnut taw il-bqija f’euro biss mill-ewwel jum.
Fir-rigward ta’ l-introduzzjoni ta’ l-euro f’Ċipru u f’Malta, il-banek ċentrali nazzjonali kollha taż-żona ta’ l-euro ser isarrfu b’xejn il-karti tal-flus tal-lira Ċiprijotta u tal-lira Maltija f’euro b’valur pari sad-29 ta’ Frar 2008. L-ammont li jista’ jissarraf huwa limitat għal €1,000 għal kull parti/tranżazzjoni f’jum wieħed.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja