Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

2 ta' Frar 2023

Il-Kunsill Governattiv ser ikompli fuq l-istess linja li jgħolli r-rati tal-imgħax b'mod sinifikanti b'pass kostanti u biex iżommhom f'livelli li huma restrittivi biżżejjed biex jiżgura ritorn f'waqtu tal-inflazzjoni għall-mira tiegħu ta' 2% fuq terminu medju. Għaldaqstant, il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’50 punt bażi u jistenna li jkompli jgħollihom. Fid-dawl tal-pressjonijiet tal-inflazzjoni sottostanti, il-Kunsill Governattiv għandu l-ħsieb li jgħolli r-rati tal-imgħax b'50 punt bażi ieħor fil-laqgħa tiegħu tal-politika monetarja li jmiss f'Marzu u mbagħad jevalwa t-triq sussegwenti tal-politika monetarja tiegħu. Iż-żamma tar-rati tal-imgħax f'livelli restrittivi maż-żmien se tnaqqas l-inflazzjoni billi tnaqqas id-domanda u se tħares ukoll kontra r-riskju ta' bidla persistenti 'l fuq fl-aspettattivi tal-inflazzjoni. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjonijiet futuri dwar ir-rati ta’ politika tal-Kunsill Governattiv se jkomplu jiddependu mid-data u jsegwu approċċ ta’ laqgħa wara laqgħa.

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda wkoll dwar il-modalitajiet biex jitnaqqsu l-investimenti ta’ titoli tal-Eurosistema taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP). Kif ikkomunikat f'Diċembru, il-portafoll tal-APP se jonqos b'€15-il biljun fix-xahar bħala medja mill-bidu ta' Marzu sal-aħħar ta' Ġunju 2023, u l-pass sussegwenti tat-tnaqqis tal-portafoll se jiġi determinat maż-żmien. Investimenti mill-ġdid parzjali se jsiru b'mod ġenerali f'konformità mal-prattika attwali. B'mod partikolari, l-ammonti ta' investiment mill-ġdid li jifdal se jiġu allokati proporzjonalment għas-sehem ta' fidi f'kull programm kostitwenti tal-APP u, taħt il-programm ta' xiri tas-settur pubbliku (PSPP), għas-sehem ta' fidi ta' kull ġurisdizzjoni u fost emittenti nazzjonali u sovranazzjonali. Għall-bonds tax-xiri korporattiv tal-Eurosistema, l-investimenti mill-ġdid li fadal se jkunu inklinati b'mod aktar qawwi lejn emittenti bi prestazzjoni klimatika aħjar. Mingħajr preġudizzju għall-għan ta' stabbiltà tal-prezzijiet tal-BĊE, dan l-approċċ se jappoġġa d-dekarbonizzazzjoni gradwali tal-investimenti ta' bonds korporattivi tal-Eurosistema, f'konformità mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi.

Il-modalitajiet dettaljati għat-tnaqqis tal-investimenti APP huma deskritti fi stqarrija għall-istampa separata li għandha tiġi ppubblikata fil-15:45 CET.

Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’50 punt bażi. Għaldaqstant, ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tas-self marġinali u l-faċilità tad-depożitu se jiżdiedu b’3.00%, 3.25% u 2.50% rispettivament, b'seħħ mit-8 ta' Frar 2023.

Il-programm ta' xiri ta' assi (APP) u l-programm ta’ xiri ta’ emerġenza tal-pandemija (PEPP)

Il-Kunsill Governattiv fiħsiebu jkompli jinvesti mill-ġdid, għall-kollox, il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt l-APP sal-aħħar ta’ Frar 2023. Sussegwentement, il-portafoll tal-APP se jonqos b’pass imkejjel u prevedibbli, peress li l-Eurosistema mhux se tinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali kollha minn titoli li jimmaturaw. It-tnaqqis se jammonta għal €15-il biljun fix-xahar bħala medja sa tmiem Ġunju 2023 u l-pass sussegwenti tiegħu se jiġi ddeterminat maż-żmien.

Fir-rigward tal-PEPP, il-Kunsill Governattiv fiħsiebu jinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-programm sa mill-anqas l-aħħar tal-2024. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.

Il-Kunsill Governattiv ser ikompli japplika flessibbiltà fl-investiment mill-ġdid ta’ tifdijiet li se jkunu dovuti fil-portafoll tal-PEPP, bil-ħsieb li jiġu miġġielda r-riskji relatati mal-pandemija għall-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja.

Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament

Peress li l-banek qed iħallsu lura l-ammonti mislufa taħt l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fit-tul immirati, il-Kunsill Governattiv se jivvaluta regolarment kif l-operazzjonijiet ta’ self immirat qed jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu.

***

Il-Kunsill Governattiv huwa lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fil-mandat tiegħu biex jiżgura li l-inflazzjoni tiġi lura għal mira tiegħu ta’ 2% matul terminu medju. L-Istrument għall-Protezzjoni tat-Trażmissjoni huwa disponibbli biex jiġġieled dinamiċi mhux ġustifikati u diżordinati tas-suq li joħolqu theddida serja għat-trażmissjoni tal-politika monetarja fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, u b'hekk jippermetti lill-Kunsill Governattiv iwettaq b'mod aktar effettiv il-mandat tiegħu ta' stabbiltà tal-prezzijiet.

Il-President tal-BĊE se tagħti l-fehmiet tagħha fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fis-14:45 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja