Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

4 ta' Mejju 2023.

Il-prospetti tal-inflazzjoni jibqgħu għoljin wisq u għal żmien twil wisq. Fid-dawl tal-pressjonijiet ta’ inflazzjoni għolja kontinwa, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. B'mod ġenerali, l-informazzjoni li dieħla tappoġġja fil-wisa’ l-valutazzjoni tal-prospetti tal-inflazzjoni fuq terminu medju li l-Kunsill Governattiv fassal fil-laqgħa preċedenti tiegħu. L-inflazzjoni nominali naqset matul l-aħħar xhur, iżda l-pressjonijiet sottostanti tal-prezzijiet għadhom b’saħħithom. Fl-istess ħin, iż-żidiet tar-rati tal-passat qed jiġu trażmessi bil-qawwa lill-finanzjament taż-żona tal-euro u lill-kundizzjonijiet monetarji, filwaqt li d-dewmien u s-saħħa tat-trażmissjoni lill-ekonomija reali għadhom inċerti

Id-deċiżjonijiet futuri tal-Kunsill Governattiv se jiżguraw li r-rati tal-politika se jinġiebu għal livelli ristrettivi biżżejjed biex jinkiseb ritorn f’waqtu tal-inflazzjoni għall-mira ta’ 2% fuq terminu medju u jinżammu f’dawk il-livelli sakemm ikun meħtieġ. Il-Kunsill Governattiv se jkompli jsegwi approċċ dipendenti fuq id-data biex jiddetermina l-livell xieraq u t-tul tar-restrizzjoni. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv dwar il-politika tar-rati se jkomplu jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tiegħu tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

Ir-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE jibqgħu l-għodda ewlenija tal-Kunsill Governattiv biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-politika monetarja. B’mod parallel, il-Kunsill Governattiv se jkompli jnaqqas il-portafoll tal-programm tax-xiri tal-assi (APP) tal-Eurosistema b’pass imkejjel u prevedibbli. F'konformità ma' dawn il-prinċipji, il-Kunsill Governattiv jistenna li jwaqqaf l-investimenti mill-ġdid taħt l-APP minn Lulju 2023.

Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. Għaldaqstant, ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali u l-faċilità ta’ depożitu se jiżdiedu għal 3.75%, 4.00% u 3.25% rispettivament, b’effett mill-10 ta’ Mejju 2023.

Programm ta’ xiri ta’ assi (APP) u l-programm ta’ xiri ta’ emerġenza tal-pandemija (PEPP)

Il-portafoll tal-APP qed jonqos b’pass imkejjel u prevedibbli, peress li l-Eurosistema mhux se tinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali kollha minn titoli li jimmaturaw. It-tnaqqis se jammonta għal medja ta’ €15-il biljun fix-xahar sal-aħħar ta’ Ġunju 2023. Il-Kunsill Governattiv jistenna li jwaqqaf l-investimenti mill-ġdid taħt l-APP minn Lulju 2023.

Dwar il-PEPP il-Kunsill Governattiv fiħsiebu jinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-programm sa mill-anqas l-aħħar tal-2024. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.

Il-Kunsill Governattiv ser ikompli japplika flessibbiltà fl-investiment mill-ġdid ta’ tifdijiet li se jkunu dovuti fil-portafoll tal-PEPP, bil-ħsieb li jiġu miġġielda r-riskji għall-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja relatati mal-pandemija

Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament

Hekk kif il-banek qed iħallsu lura l-ammonti mislufa taħt l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fit-tul immirati, il-Kunsill Governattiv se jivvaluta regolarment kif l-operazzjonijiet ta’ self immirat qed jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu.

***

Il-Kunsill Governattiv jinsab lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fil-mandat tiegħu biex jiżgura li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tiegħu ta’ 2% fuq żmien medju u biex jippreserva l-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Is-sett ta’ għodod tal-politika tal-BĊE huwa mgħammar bis-sħiħ biex jipprovdi appoġġ ta’ likwidità lis-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro jekk ikun meħtieġ. Barra minn dan, l-Istrument għall-Protezzjoni tat-Trażmissjoni huwa disponibbli biex jiġġieled dinamiċi mhux ġustifikati u diżordinati tas-suq li joħolqu theddida serja għat-trażmissjoni tal-politika monetarja fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, u b'hekk jippermetti lill-Kunsill Governattiv iwettaq b’mod aktar effettiv il-mandat tiegħu ta' stabbiltà tal-prezzijiet.

Il-President tal-BĊE se tagħti l-fehmiet tagħha fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fis-14:45 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja