Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Ħames affarijiet li għandek tkun taf fuq it-Trattat ta’ Maastricht

It-Trattat waqqaf il-pedamenti għall-Unjoni Ewropea kif nafuha llum

It-Trattat ta’ Maastricht, magħruf uffiċjalment bħala t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, waqqaf il-pedamenti għall-Unjoni Ewropea kif nafuha llum.

Kien ir-riżultat ta’ bosta snin ta' diskussjonijiet bejn il-gvernijiet u ġie ffirmat fil-belt Olandiża ta’ Maastricht, li tinsab viċin il-fruntieri mal-Belġju u l-Ġermanja. Ħames affarijiet li għandek tkun taf dwar it-Trattat.

1.

Stabbilixxa l-Unjoni Ewropea

Kooperazzjoni ikbar

It-Trattat ta’ Maastricht żied b’mod sinifikanti l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej f’għadd ta’ oqsma ġodda:

Iċ-ċittadinanza Ewropea

It-Trattat introduċa ċ-ċittadinanza Ewropea sabiex iċ-ċittadini setgħu jmorru joqogħdu u jiċċaqalqu liberament minn Stat Membru għal ieħor

Il-politika barranija u tas-sigurtà komuni

It-Trattat stabbilixxa politika barranija u ta’ sigurtà komuni bl-għan li “jissalvagwardja l-valuri komuni, l-interessi fundamentali u l-indipendenza ta’ l-Unjoni”.

Ġustizzja u affarijiet interni

It-Trattat żviluppa kooperazzjoni mill-qrib dwar il-ġustizzja u l-affarijiet interni biex jiżgura s-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej.

2.

Ġie ffirmat minn 12-il pajjiż

Rappreżentanti minn 12-il pajjiż iffirmaw it-Trattat fis-7 ta’ Frar 1992

Il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall u r-Renju Unit

Il-parlamenti ta’ dawn il-pajjiżi mbagħad irratifikaw it-Trattat, u f’xi każijiet sar referendum. It-Trattat ta’ Maastricht daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1993 meta twaqqfet uffiċjalment l-Unjoni Ewropea.

Minn dakinhar ’l hawn, 16-il pajjiż ieħor issieħbu fl-Unjoni Ewropea* u adottaw ir-regolamenti stabbiliti fit-Trattat ta’ Maastricht jew fit-trattati li saru wara.

*Issa hemm 27 Stat Membru tal-UE wara t-tluq tar-Renju Unit mill-UE.

3.

Ħejja l-pedamenti għall-euro

Munita unika għall-Ewropej

It-Trattat ta’ Maastricht ħejja t-triq għall-ħolqien ta’ munita unika Ewropea: l-euro. Dan waqqaf ukoll il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u s-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, u ddefinixxa l-għanijiet tagħhom. L-għan ewlieni tal-BĊE huwa li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet, i.e. li jissalvagwarda l-valur tal-euro.

It-Trattat kien il-qofol ta’ għexieren ta’ snin ta’ diskussjonijiet fuq it-tkabbir tal-kooperazzjoni ekonomika fl-Ewropa. Il-mexxejja Ewropej reġgħu fetħu d-diskussjoni dwar l-introduzzjoni ta’ munita unika fl-1986 u fl-1989 intrabtu li kellha tidħol bi proċess ta’ tranżizzjoni fi tliet fażijiet.

It-Trattat ta’ Maastricht stabbilixxa formalment dawn il-fażijiet:

Stadju 1 (01/07/90 - 31/12/93)

Introduzzjoni tal-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri

Stadju 2 (01/01/94 - 31/12/98)

Tkabbir fil-kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali nazzjonali u tqarrib imkabbar fil-politika ekonomika tal-Istati Membri

Stadju 3 (01/01/99 - sal-lum)

Dħul gradwali tal-euro flimkien mal-implimentazzjoni ta’ politika monetarja unika, li għaliha huwa responsabbli l-BĊE

4.

Daħħal il-kriterji li jridu jissodisfaw il-pajjiżi biex jissieħbu fl-euro

It-Trattat stabbilixxa wkoll regoli dwar kif l-euro jaħdem fil-prattika. Dan inkluda x'għandu jagħmel pajjiż biex jissieħeb fiż-żona tal-euro?

L-għan ta’ dawn ir-regoli partikolari, magħrufin ukoll bħala l-kriterji ta’ Maastricht jew il-kriterji ta’ konverġenza, huwa li jiżguraw li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro, anki meta pajjiżi ġodda jissieħbu fil-munita.

Ir-regoli jaħdmu biex jiżguraw li l-pajjiżi li jissieħbu jkunu stabbli f’dawn l-oqsma:

Inflazzjoni

Ir-rata tal-inflazzjoni medja ta’ pajjiż ma għandhiex taqbeż b’aktar minn 1.5 punti perċentwali r-rata tal-inflazzjoni tat-tliet Stati Membri tal-UE bl-aħjar prestazzjoni, u dan matul perjodu ta’ osservazzjoni ta’ sena.

Il-livelli tad-dejn pubbliku

L-iżbilanċ fiskali annwali ta’ pajjiż m'għandux jaqbeż it-3% tal-prodott domestiku gross (PDG) u d-dejn tal-gvern ġenerali m’għandux ikun aktar minn 60% tal-PGD.

Ir-rati tal-imgħax

Ir-rata tal-imgħax fit-tul ta’ pajjiż m’għandhiex taqbeż b’aktar minn 2 punti perċentwali dik tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati matul il-perjodu ta' osservazzjoni ta' sena waħda.

Ir-rata tal-kambju

Pajjiż għandu jżomm rata tal-kambju stabbli li jfisser li baqa’ fil-marġini ta' varjazzjoni previsti mill- mekkaniżmu tar-rata tal-kambju (ERM II) għal mill-inqas is-sentejn ta’ qabel.

5.

Qabża kbira ’l quddiem għall-integrazzjoni Ewropea

L-Ewropa ngħaqdet aktar

Minn meta ġie ffirmat it-Trattat ta’ Maastricht, il-pajjiżi Ewropej ingħaqdu iżjed flimkien filwaqt li xi oqsma politiċi, bħal dawk ekonomiċi u fiskali, baqgħu fil-kompetenza nazzjonali. Il-mexxejja Ewropej qablu fuq passi oħra biex ikomplu jkattru l-integrazzjoni bejn l-istati Ewropej bħal:

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir

Fl-1997 sar qbil fuq il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li jiżgura li l-pajjiżi jħaddnu politika baġitarja soda.

Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà

Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà twaqqaf biex jipprovdi għajnuna finanzjarja lil pajjiżi taż-żona tal-euro li jgħaddu minn jew ikunu mhedda minn problemi serji ta’ finanzjament

L-unjoni bankarja

Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni nħolqu wara l-kriżi finanzjarja biex is-sistema bankarja Ewropea ssir iktar sigura u jikbru l-integrazzjoni u l-istabbiltà finanzjarja

Illum madwar 450 miljun ċittadin minn 27 Stat Membru jgawdu mill-benefiċċji tal-kooperazzjoni Ewropea.

Fis-snin minn meta ntlaħaq ftehim fuq il-pjan direzzjonali lejn munita unika, l-euro llum huwa t-tieni munita li tintuża l-aktar fid-dinja u sar parti mill-ħajja ta’ kuljum ta' madwar 350 miljun ruħ fil-pajjiżi taż-żona tal-euro.