Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

X’inhuma r-rekwiżiti tar-riżervi minimi?

11 ta’ Awwissu 2016 (aġġornat fit-8 ta’ Novembru 2023)

Il-banek taż-żona tal-euro huma meħtieġa jżommu ċertu ammont ta’ fondi fil-kontijiet kurrenti tagħhom mal-bank ċentrali nazzjonali (BĊN) tagħhom fl-Eurosistema. Dawn il-fondi jissejħu riżervi minimi. Ir-rekwiżiti tar-riżervi minimi tal-banek huma normalment stabbiliti għal perjodu ta’ bejn sitt u seba’ ġimgħat, magħruf bħala l-“perjodu ta’ żamma tar-riżervi”. Qabel il-bidu ta’ kull perijodu taż-żamma tar-riżervi, il-rekwiżiti tar-riżervi minimi tal-banek huma kkalkulati bħala 1 % tal-passiv speċifiku fuq il-karti tal-bilanċ tagħhom — prinċipalment depożiti tal-klijenti u titoli ta’ dejn b’maturitajiet sa sentejn.

Il-banek iridu jiżguraw li l-livell medju tar-riżervi fil-kont kurrenti tagħhom jissodisfa r-rekwiżiti tar-riżervi minimi tagħhom matul il-perjodu taż-żamma. Għalhekk, il-banek m’għandhomx bżonn iżommu l-ammont eżatt tar-riżervi minimi matul il-perjodu taż-żamma, li jippermettilhom jirreaġixxu għal bidliet fuq żmien qasir fis-swieq tal-flus billi jżidu jew jiġbdu fondi mir-riżervi tagħhom. Min-naħa l-oħra, dan jgħin biex jiġu stabbilizzati r-rati tas-suq monetarju. Ir-riżervi minimi totali tal-banek taż-żona tal-euro jiġu ppubblikati kuljum fit-taqsima tal-analiżi tal-likwidità tas-sit elettroniku tagħna.

Fi tmiem il-perjodu taż-żamma, il-BĊN taż-żona tal-euro jħallsu imgħax fuq ir-riżervi minimi li l-banek iżommu għandhom. Sa Ottubru 2022, ir-rata tal-imgħax imħallas kienet daqs ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament. Imbagħad tnaqqset biex tirrifletti r-rata tal-faċilità tad-depożitu, qabel ma ġiet stabbilita għal 0 % f’Lulju 2023. Skont ir-regoli attwali, il-fondi kollha fuq il-kontijiet kurrenti tal-banek li jaqbżu r-rekwiżiti tar-riżervi minimi jiġu remunerati b’0 % meta r-rata tal-faċilità tad-depożitu tkun ogħla minn 0 %, u bir-rata tal-faċilità tad-depożitu meta tkun taħt iż-0 %.

Jekk il-banek ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tar-riżervi minimi tagħhom, skont il-liġi tal-UE l-BĊE għandu s-setgħat li jimponi sanzjoni li tkun proporzjonata man-nuqqas. Hemm ħafna raġunijiet differenti għaliex il-banek jistgħu jonqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-riżervi minimi tagħhom, li ħafna drabi jkunu marbuta ma’ żbalji tekniċi jew operazzjonali aktar milli n-nuqqas minn bank ta’ depożiti globali ta’ fondi mal-BĊN. Il-banek jistgħu wkoll iżommu fondi f’kontijiet apparti l-kont kurrenti, pereżempju fil-faċilità ta’ depożitu. B’hekk, ksur tar-rekwiżiti tar-riżervi minimi ma jfissirx neċessarjament li bank ma kellux biżżejjed fondi.

ARA WKOLL

Skopri aktar dwar kontenut relatat

Tagħrif ieħor

Riżervi minimi