Ġurija internazzjonali tgħażel it-tliet proġettii rebbieħa tal-kompetizzjoni ta’ l-arkitettura għall-bini l-ġdid tal-BĊE
Ġurija internazzjonali ppreseduta mill-Viċi-President Lucas Papademos illum għażlet it-tliet proġetti rebbieħa tal-kompetizzjoni internazzjonali ta’ l-ippjanar fl-ibliet u d-disinn arkitettoniku, għall-bini l-ġdid tal-BĊE fi Frankfurt am Main, fil-Ġermanja. Din tikkonkludi it-tieni u l-aħħar fażi tal-kompetizzjoni.
Il-premji ġew mogħtija skond kif ġej:
L-ewwel premju Coop Himmelb(l)au, Vienna, Austria
Dan il-kunċett jikkombina l-antik u l-modern b’mod intelliġenti f’forom skulturali. L-arranġament komplet huwa kompost minn tliet elementi bażiċi: il-Grossmarkthalle, bini żviluppat b’mod orizzontali (groundscraper) u żewġ torrijiet poligonali. Fil-proġett preliminari ta’ l-ewwel fażi, ġie ddisinjat bini żviluppat b’mod orizzontali li jgħaddi minn fuq ix-xatt tax-xmara u jibqa għaddej minn ġewwa l-Grossmarkthalle. Fit-tieni fażi dan jgħaddi b’mod parallel mal-Grossmarkthalle u b’hekk dan il-bini storiku ma jintmess. Il-Grossmarkthalle hawnekk iservi bhala l-entratura ewlenija tal-BĊE u bhala spazju għall-pubbliku, u hu konness maż-żewġ torrijiet li fihom hemm l-uffiċji permezz taċ-ċentru għall-konferenzi li jinstab fil-bini żviluppat orrizzontalment . Dan il-proġett huwa konċiż u funzjonali.
It-tieni premju ASP Schweger Assoziierte, Berlin, Germany
Il-pont sospiż jew “pont fl-ajru” jikkuntrasta mal-Grossmarkthalle mingħajr ma joħnoq dan il-bini storiku. Il-Grossmarkthalle huwa kkonservat sew minkejja li s-saqaf tiegħu ġie sostitwit b’wieħed tal-ħġieġ. Dan il-kunċett innovattiv għandu joħloq effet entużjażmanti maħluq kemm mill-binjiet wieqfa li huma konnessi bi’ piazza li tagħti għall-entrata prinċipali kif ukoll mill-pjan elevat. Il-modulu previst għal xi espansjoni possibbli fil-futur jikkonsisti f’torri addizjonali.
It-tielet premju 54f architekten/T. R. Hamzah & Yeang, Darmstadt, Germany/Selangor, Malaysia
Dan il-proġett jestendi l-assi ta’ l-ibliet f’dan is-sît, u jużahom biex joħloq pajsaġġi u elementi arkitettoniċi diversi. Żewġ torrijiet rettangolari differenti minn xulxin għandhom jitqiegħedu fin-naħa tan-nofsinhar tal-Grossmarkthalle sabiex “jarrikkixxu d-dehra eżistenti tal-belt”. Il-kunċett ta’ spazju miftuħ huwa żviluppat ħafna. Il-postijiet tax-xogħol ta’ stàndard għoli ħafna jieħdu in konsiderazzjoni l’użu ta’ l-enerġija kif ukoll l-aspett ambjentali. Dan il-proġett jagħmel użu tajjeb tas-sît filwaqt li l-proporzjonijiet tal-binjiet il-ġodda ma joħonqux il-Grossmarkthalle. Il-kunċett jintegra ruħu sew mal-viċinanzi, u jinkorpora ħafna mill-ħtieġijiet tal-program funzjonali.
Din il-kompetizzjoni bdiet f’Novembru ta’ l-2002 (ara l-istqarrija għal-istampa tal-BĊE tas-26 ta’ Novembru 2002) bhala kompetizzjoni ristretta f’żewġ fażijiet u ppreċeduta bl-għażla ta’ 80 applikant li kkwalifikaw (ara l-istqarrija għal-istampa tal-BĊE tas-7 ta’ April 2003) u li possibilment tiġi segwita b’fażi ta’ reviżjoni mhux obbligatorja. Sas-7 ta’ Lulju 2003, li kien l-aħħar jum ta’ l-ewwel fażi, 71 mit-80 kandidat kienu ppreżentaw l-idejat preliminari tagħhom. Fit-28 u d-29 ta’ Awissu 2003 il-ġurija għażlet 12-il kandidat għat-tieni fażi. Din il-fażi bdiet fil-15 ta’ Settembru ta’ l-2003 u t-12-il-kandidat kellhom jippreżentaw il-proġetti tagħhom sat-12 ta’ Diċembru 2003.
Il-Ġurija evalwat it-12-il-proġett fuq il-bażi tal-kriterji segwenti:
- L-ippjanar ta’ belt, arkitettura u pajsaġġ;
- Konformità mal-karatteristiċi ewlenin tal-programm funzjonali u ta’ l-ispazju;
- Kunċett li jnaqqas il-konsum ta’ l-enerġija u li jiffavorixxi l-ambjent, kif ukoll konformità mal-karatteristiċi ewlenin tar-rekwiżiti tekniċi tal-BĊE;
- Konformità mar-regoli rilevanti, b’mod partikolari ma’ dawk fil-qasam tal-liġi dwar il-bini u l-ħarsien ta’ l-ambjent.
Fil-fażi ta’ reviżjoni li għandha s-segwi, il-Kunsill tat-Tmexxija tal-BĊE ser jistieden wieħed jew iżjed mir-rebbieħa biex jirrevedu l-proġetti tagħhom, biex imbagħad ikun hemm qbil fuq proġett finali b’koperazzjoni mal-BĊE u mal-Belt ta’ Frankfurt. Wara din il-fażi ta’ reviżjoni, il-Kunsill tat-Tmexxija tal-BĊE ser jagħti l-kuntratt ta’ l-ippjanar tal-bini l-ġdid tal-BĊE lill-wieħed mit-tliet periti rebbieħa.
Mill-21 ta’ Frar sa l-14 ta’ Marzu 2004 id-Deutsches Architektur Museum fi Frankfurt am Main se tilqa li ssir għandha wirja għall-pubbliku tal-proġetti kollha kemm mill-ewwel kif ukoll mit-tieni stadju. Qed tiġi ppjanata wirja minn qabel għall-istampa fl-20 ta’ Frar 2004 fil-11.00 a.m.
Iżjed dettalji tal-proġetti rebbieħa flimkien mar-ritratti tal-mudelli jistgħu jinstabu fuq il-website tal-BĊE f’ http://www.ecb.europa.eu/ecb/premises/.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja