Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

L-Eurosistema tintroduċi l-karta ta’ €5 tas-Sensiela Europa

2 ta' Mejju 2013

Il-karta l-ġdida ta’ €5, l-ewwel waħda mis-sensiela Europa, daħlet fiċ-ċirkolazzjoni mil-lum fil-pajjiżi taż-żona tal-euro.

Il-Gvernatur ta’ Národná banka Slovenska, Jozef Makúch, mexxa ċerimonja qasira li tfakkar din l-okkażjoni fi Bratislava, il-belt kapitali tas-Slovakkja, fejn kien qiegħed jiltaqa’ l-Kunsill Governattiv. Grupp ta’ tfal tal-“ġenerazzjoni tal-euro” – dawk li kibru mal-euro u ma jafux b’munita oħra ħliefha – ippreżentaw stilel trasparenti bil-karta l-ġdida ta’ €5 lill-membri tal-Kunsill Governattiv. Min-naħa tiegħu, il-President tal-BĊE Mario Draghi ppreżenta karta ġdida ta’ €5 bil-firma tiegħu lil kull tifel u tifla.

Il-karta l-ġdida ta’ €5 bbenefikat mill-avvanzi li saru fit-teknoloġija tal-karti tal-flus wara li daħlet l-ewwel sensiela fl-2002. Għandha karatterisitiċi ta’ sigurtà ġodda u sar titjib f’xi karatteristiċi oħra. Il- watermark u l-ologramma juru xbieha ta’ wiċċ Europa, figura tal-mitoloġija Griega li tat isimha lil din is-sensiela ta’ karti tal-flus. “Numru aħdar żmerald” li jolqot l-għajn jibdel il-kulur minn aħdar żmerald għal blu skur u juri effett bid-dawl miexi ’l fuq u ’l isfel. Persuni neqsin mid-dawl jistgħu jagħrfu l-karta tal-flus faċilment permezz ta’ linji qosra mqabbżin li jinsabu mat-truf tax-xellug u tal-lemin. Dawn il-karatteristiċi ta’ sigurtà jinsabu fuq in-naħa ta’ quddiem tal-karta l-ġdida u jistgħu jiġu ċċekkjati malajr bil-metodu “ħoss, ħares u mejjel”. Huwa maħsub li l-karatteristiċi ta’ sigurtà jiddaħħlu fil-karti tal-flus kollha tas-sensiela Europa. Il-karti tal-flus l-oħra tas-sensiela se jidħlu fis-snin li ġejjin u d-denominazzjoni li jmissha toħroġ se tkun dik ta’ €10.

Il-websajt tal-BĊE u s-sit wiccgdidtaleuro fihom ritratti u filmati televiżivi tal-okkażjoni kif ukoll tagħrif ieħor dwar il-karta tal-flus il-ġdida, fosthom bosta filmati li jitfgħu l-attenzjoni fuq il-karatteristiċi ta’ sigurtà tagħha. L-“Akkademja tal-Euro” ( Euro Cash Academy), metodu interattiv biex wieħed isir jaf aktar dwar il-€5 l-ġdida u d-denominazzjonijiet l-oħra, tinsab f’dawn iż-żewġ websajts u tista’ titniżżel bħala app fl-i smartphones – bi 22 lingwa tal-Unjoni Ewropea.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja