Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-Kontijiet Annwali tal-BĊE għall-2013

20 ta' Frar 2014

EMBARGO

M’għandhiex tixxandar qabel it-3 p.m. CET tal-Ħamis, 20 ta’ Frar 2014
  • Qligħ nett għall-2013 ta’ €1,440 miljun (2012: €995 miljun) wara t-trasferiment fil-provediment għar-riskju ta’ €0.4 miljun (2012: €1,166 miljun)
  • Total ta’ €1,430 miljun (2012: €998 miljun) imqassam lill-banek ċentrali nazzjonali
  • €962 miljun (2012: €1,108 miljun) dħul nett mill-imgħax minn titoli akkwistati fil-Programm tas-Swieq tat-Titoli
  • €406 miljun (2012: €633 miljun) dħul mill-imgħax fuq is-sehem tal-BĊE mit-total ta’ karti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni
  • L-ammont totali tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE kien ta’ €174 biljun (2012: €207 biljun)

Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum approva l-Kontijiet Annwali vverifikati tal-BĊE għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2013.

Il-President tal-BĊE Mario Draghi qali li “ir-riżultat finanzjarju għall-2013 jirrifletti x-xejra tal-politika monetarja kif ukoll l-impenn tagħna għal użu effiċjenti tar-riżorsi u ġestjoni finanzjarja prudenti, fi żmien meta r-responsabbiltajiet u l-kompiti fdati lill-BĊE qegħdin jiżdiedu”.

Fil-31 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jittrasferixxi ammont ta’ €0.4 miljun (2012: €1,166 miljun) fil-provediment għar-riskju, li żdied għall-ogħla livell tiegħu ta' €7,530 miljun minn din id-data. L-għan tal-provediment għar-riskju huwa li jkopri r-riskji tar-rata tal-kambju, tar-rata tal-imgħax, tal-kreditu u tal-prezz tad-deheb, li jiġu ssorveljati kontinwament. Kull sena ssir reviżjoni tad-daqs u tar-rekwiżit kontinwu ta’ dan il-provediment. Wara t-trasferiment fil-provediment għar-riskju, il-BĊE għamel qligħ nett fl-2013 ta’ €1,440 miljun (2012: €995 miljun).

Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jqassam qligħ interim ta’ €1,370 miljun lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fil-31 ta’ Jannar 2014. Fil-laqgħa tal-bieraħ il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jżomm ammont ta’ €10 miljun, dovut għall-aġġustamenti tal-qligħ li sar fis-snin ta’ qabel, u li jqassam il-qligħ li baqa’, li jammonta għal €61 miljun, lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fil-21 ta’ Frar 2014. [1]

Id-dħul regolari tal-BĊE jiġi prinċipalment mill-qligħ fuq l-investimenti li għandu fil-portafoll tar-riżervi barranin u fil-portafoll tal-fondi proprji, mid-dħul mill-imgħax fuq is-sehem tiegħu ta’ 8% mit-total ta’ karti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, u mid-dħul nett mill-imgħax fuq it-titoli akkwistati għall-għanijiet tal-politika monetarja fil-Programm tas-Swieq tat-Titoli u ż-żewġ programmi ta’ xiri ta’ bonds garantiti.

Id-dħul nett mill-imgħax kien ta’ €2,005 miljun fl-2013 (2012: €2,289 miljun). Dan kien jinkludi d-dħul mill-imgħax ta’ €406 miljun fuq is-sehem tal-BĊE mit-total ta’ karti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni (2012: €633 miljun) u d-dħul nett mill-imgħax ta’ €962 miljun (2012: €1,108 miljun) fuq it-titoli akkwistati fil-Programm tas-Swieq tat-Titoli, li minnhom €437 miljun (2012: €555 miljun) kienu mill-investimenti tal-BĊE f'bonds tal-gvern Grieg. Kien jinkludi wkoll dħul nett mill-imgħax ta’ €204 miljun (2012: €209 miljun) minn titoli akkwistati fiż-żewġ programmi ta’ xiri ta’ bonds garantiti. Il-BĊE ħallas rimunerazzjoni ta’ €192 miljun (2012: €307 miljun) lill-banek ċentrali nazzjonali fuq il-klejms tagħhom fir-rigward tal-assi f’riżervi barranin li ttrasferew lill-BĊE, filwaqt li d-dħul mill-imgħax fuq l-assi f’riżervi barranin kien ta’ €187 miljun (2012: €229 miljun).

Il-qligħ realizzat mill-operazzjonijiet finanzjarji kien ta’ €52 miljun (2012: €319-il miljun). It-tnaqqis fil-qligħ realizzat mill-operazzjonijiet finanzjarji fl-2013 kien dovut l-aktar għat-tnaqqis fil-qligħ realizzat mill-prezzijiet iġġenerat mill-portafoll tad-dollaru Amerikan.

Kien hemm valutazzjoni negattiva ta’ €115-il miljun fl-2013 (2012: €4 miljun). Iż-żieda sinifikattiva fil-valutazzjoni negattiva fl-2013 kienet dovuta l-aktar għat-tnaqqis ġenerali fil-valuri tas-suq tat-titoli miżmuma fil-portafoll tad-dollaru Amerikan tal-BĊE.

L-ispejjeż amministrattivi tal-BĊE jiġbru fihom l-ispiża tal-istaff u l-ispejjeż amministrattivi l-oħra kollha. L-ispiża tal-istaff żdiedet għal €241 miljun fl-2013 (2012: €222 miljun) minħabba żieda fl-għadd tal-membri tal-istaff u ammonti rikonoxxuti fir-rigward tal-iskemi tal-pensjoni tal-BĊE.

Spejjeż amministrattivi oħra, fosthom il-kera tal-bini, id-drittijiet professjonali u prodotti u servizzi oħra, laħqu €287 miljun fl-2013 (2012: €242 miljun) u kienu jinkludu d-deprezzament ta’ €19-il miljun fuq l-assi fissi. Il-biċċa l-kbira tal-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-kostruzzjoni tal-bini l-ġdid tal-BĊE tħallew barra minn din il-partita u ġew kapitalizzati fil-Karta tal-Bilanċ fl-intestatura “Assi Fissi Tanġibbli u Intanġibbli”. Fi ħdan din l-intestatura, il-partita “Assi li qegħdin jinbnew” żdiedet bi €318-il miljun għal €847 miljun fl-2013, u din iż-żieda kienet dovuta kważi kollha kemm hi għan-nefqa tal-kostruzzjoni, filwaqt li n-nefqa ta’ €76 miljun marbuta mas-sit tal-bini ġiet inkluża fil-partita “Art u bini”.

L-ammont totali tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE kien ta’ €174 biljun fl-2013. It-tnaqqis ta’ €33 biljun mill-€207 biljun tal-2012 huwa konformi mat-tnaqqis fid-daqs tal-karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema.

Il-karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema tinkludi t-titoli akkwistati mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali fil-Programm tas-Swieq tat-Titoli, li ntemm fis-6 ta’ Settembru 2012. Fl-istess data l-BĊE ħabbar il-karatteristiċi tekniċi tal-Operazzjonijiet Monetarji Definittivi (OMD), fosthom il-politika ta’ trasparenza. Bi qbil mal-politika ta’ trasparenza, it-tabella ta’ hawn taħt turi t-tqassim tal-ammonti pendenti tal-investimenti tal-Eurosistema fil-Programm tas-Swieq tat-Titoli fil-31 ta’ Diċembru 2013.

L-investimenti tal-Eurosistema fil-Programm tas-Swieq tat-Titoli fil-31.12.2013

Pajjiż emittent Ammont nominali (biljuni ta’ EUR) Valur deprezzat [ 1] (biljuni ta’ EUR) Medja tal-maturità li fadal (snin)
Irlanda 9.7 9.2 5.3
Greċja 27.7 25.4 3.4
Spanja 38.8 38.4 3.6
Italja 89.7 86.8 4.1
Portugall 19.8 19.0 3.4
Total 185.7 178.8 3.9

[ 1] L-investimenti fil-Programm tas-Swieq tat-Titoli huma kklassifikati bħala miżmuma sal-maturità u għalhekk jiġu vvalutati bil-prezz amortizzat.

Il-Kontijiet Annwali tal-BĊE, flimkien mar-rapport amministrattiv u l-karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2013, se jidhru fir-Rapport Annwali tal-BĊE li għandu jixxandar f’April 2014.

Għal aktar tagħrif, wieħed jista’ jikkuntattja lil Niels Bünemann, tel. +49 69 1344 6594

Noti għall-edituri

  1. Politika ta’ kontabilità tal-BĊE: Il-Kunsill Governattiv stabbilixxa politika komuni tal-kontabilità għall-Eurosistema, inkluż il-BĊE, skont l-Artikolu 26.4 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (Statut tas-SEBĊ), u din tinsab ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. [2] Għalkemm hija bbażata b’mod ġenerali fuq il-prattika tal-kontabilità aċċettata fl-ambjent internazzjonali, din il-politika tfasslet speċjalment għaċ-ċirkostanzi uniċi tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. Tiġbor fiha l-valutazzjoni tas-suq ta’ titoli negozjabbli li mhumiex ikklassifikati bħala miżmuma sal-maturità, tad-deheb kif ukoll tal-assi u l-obbligazzjonijiet l-oħra kollha inklużi fil-karta tal-bilanċ u esklużi minnha denominati f’munita barranija. It-titoli negozjabbli kklassifikati bħala miżmuma sal-maturità jiġu vvalutati bil-prezz tal-akkwist suġġett għal indeboliment. Tingħata attenzjoni partikolari lill-kwistjoni tal-prudenza minħabba li l-biċċa l-kbira tal-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom skoperturi kbar għar-riskji tal-kambju. Dan l-atteġġament prudenti japplika b’mod partikolari għat-trattament differenti ta’ qligħ u telf mhux realizzati għall-fini tal-għarfien tad-dħul, u għall-projbizzjoni dwar l-innettjar ta’ telf mhux realizzat fuq wieħed mill-assi kontra qligħ mhux realizzat fuq ieħor. Il-qligħ mhux realizzat jiġi ttrasferit direttament fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni. It-telf mhux realizzat li jaqbeż il-bilanċi relatati tal-kontijiet ta’ rivalutazzjoni jitqies bħala spiża fi tmiem is-sena. It-telf minn indeboliment jgħaddi kollu kemm hu fil-Kont tal-Qligħ u t-Telf. Il-banek ċentrali nazzjonali kollha taż-żona tal-euro jridu jimxu ma’ din il-politika biex jirrappurtaw l-operazzjonijiet tagħhom bħala parti mill-Eurosistema, u dawn l-operazzjonijiet jidhru fir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-Eurosistema ta’ kull ġimgħa. Barra minn hekk, il-banek ċentrali nazzjonali japplikaw minn rajhom b’mod ġenerali l-istess politika tal-BĊE meta jħejju r-rendikonti finanzjarji annwali tagħhom.
  2. Fl-2013 il-BĊE bidel il-politika tal-kontabilità tiegħu fir-rigward tal-pensjonijiet. Ir-rekwiżiti tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 19, li jipprovdi l-bażi tal-politika tal-kontabilità tal-BĊE fir-rigward tal-pensjonijiet, ġew riveduti fl-2011 u bdew japplikaw għall-perjodi annwali mill-1 ta’ Jannar 2013 jew wara din id-data. Il-IAS 19 rivedut ma baqax jirrikonoxxi aktar il-metodu tal-“kuritur tal-10%” bħala waħda mill-għażliet għall-għarfien tar-riżultati attwarjali fir-rendikonti finanzjarji. Għalhekk, il-BĊE emenda l-politika tiegħu, li tinsab fin-noti dwar il-politika tal-kontabilità, u wkoll għamel ridikjarazzjoni taċ-ċifri komparattivi tal-2012 fil-Kontijiet Annwali tal-2013.
  3. Rimunerazzjoni tal-assi f’riżervi barranin ittrasferiti lill-BĊE: Meta jittrasferixxi l-assi f’riżervi barranin lill-BĊE malli jissieħeb fl-Eurosistema, kull bank ċentrali nazzjonali jakkwista klejm rimunerata mal-BĊE li tkun ekwivalenti għall-ammont li jittrasferixxi. Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li dawn il-klejms ikunu denominati fl-euro u jiġu rimunerati kuljum bl-aħħar rata tal-imgħax marġinali disponibbli użata mill-Eurosistema fl-offerti tagħha għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, aġġustata biex tqis ir-rata ta’ qligħ fuq il-komponent tad-deheb bħala żero.
  4. Tqassim tad-dħul tal-BĊE mill-karti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u d-dħul nett tal-BĊE mit-titoli akkwistati fil-Programm tas-Swieq tat-Titoli: Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li dan id-dħul irid jgħaddi għand il-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fis-sena finanzjarja meta jkun dovut. Sakemm il-Kunsill Governattiv ma jiddeċidix mod ieħor, il-BĊE jqassam dan id-dħul fl-aħħar jum tax-xogħol ta’ Jannar tas-sena ta’ wara. [3] Il-qligħ jitqassam kollu sakemm il-Kunsill Governattiv ma jistenniex li, skont kalkolu raġonevoli, il-qligħ nett tal-BĊE għas-sena jkun inqas mid-dħul tiegħu mill-karti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u mid-dħul nett mit-titoli akkwistati fil-Programm tas-Swieq tat-Titoli, u sakemm il-Kunsill Governattiv ma jiddeċidix qabel tmiem is-sena finanzjarja li jittrasferixxi parti minn dan id-dħul, jew id-dħul kollu, fil-provediment għar-riskji tar-rata tal-kambju, tar-rata tal-imgħax, tal-kreditu u tal-prezz tad-deheb.
  5. Tqassim tal-qligħ/allokazzjoni tat-telf: Skont l-Artikolu 33 tal-Istatut tas-SEBĊ, sa 20% tal-qligħ nett ta’ kull sena jista’ jiġi ttrasferit fil-fond ġenerali tar-riżervi, sa limitu li jkun ekwivalenti għal 100% tal-kapital tal-BĊE. Il-qligħ nett li jibqa’ għandu jitqassam lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fil-proporzjon tal-ishma mħallsin tagħhom. Fil-każ ta’ telf imġarrab mill-BĊE, l-iżbilanċ jista’ jitpatta mill-fond ġenerali tar-riżervi tal-BĊE u, jekk ikun meħtieġ, wara deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, mid-dħul monetarju tas-sena finanzjarja rilevanti fil-proporzjon u mhux iżjed mill-ammonti allokati lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro skont l-Artikolu 32.5 tal-Istatut tas-SEBĊ.
  1. [1]L-ammonti li jidhru huma miżjuda/imnaqqsa sal-eqreb miljun euro.

  2. [2]Id-Deċiżjoni BĊE/2010/21 tal-11 ta’ Novembru 2010, ĠU L 35, 9.2.2011, p.1, kif emendata, fiha l-politika dettaljata tal-kontabilità tal-BĊE.

  3. [3]Id-Deċiżjoni BĊE/2010/24 tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u li jirriżulta minn titoli mixtrija taħt il-Programm tas-Swieq tat-Titoli (tfassil mill-ġdid), ĠU L 6, 11.1.2011, p. 35, kif emendata.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja