- It-“tieqa bil-wiċċ” li tinsab fl-ologramma tal-karta l-ġdida tal-€20 hija innovazzjoni fit-teknoloġija tal-produzzjoni tal-karti tal-flus
- Il-karta l-ġdida tal-€20 se tidħol fiċ-ċirkolazzjoni fil-25 ta’ Novembru 2015, biex il-manifatturi tal-apparat li jipproċessa l-karti tal-flus, dawk li jużaw il-flus kontanti fil-professjoni tagħhom u persuni oħra involuti jkollhom disa’ xhur biex iħejju għall-karta l-ġdida
- 338 miljun ruħ f’19-il pajjiż illum jużaw il-karti tal-euro, b’valur nominali totali ta’ €1,000 biljun
Il-President tal-BĊE Mario Draghi llum ippreżenta l-karta l-ġdida tal-€20 fil-kwartieri tal-BĊE fi Frankfurt am Main u ħabbar li kienet se tibda tiċċirkola fil-25 ta’ Novembru 2015. Il-karta l-ġdida fiha karatteristika ta’ sigurtà innovattiva fis-sura ta’ “tieqa bil-wiċċ” imqiegħda fl-ologramma. Meta żżomm il-karta tal-flus kontra d-dawl, it-tieqa ssir trasparenti u turi xbieha ta’ wiċċ il-figura mitoloġika Europa, li tidher miż-żewġ naħat tal-karta. Il-karta l-ġdida tal-€20, bħall-karti l-ġodda tal-€5 u l-€10, fiha wkoll “numru aħdar żmerald” kif ukoll wiċċ Europa fil- watermark.
Il-President Draghi qal: “It-tieqa bil-wiċċ hija innovazzjoni reali fit-teknoloġija tal-produzzjoni tal-karti tal-flus. Hija frott il-ħidma tal-Eurosistema biex tiżgura li l-karti tal-euro jkomplu jkunu reżistenti għall-falsifikazzjoni. Dan se jsaħħaħ il-fiduċja tat-338 miljun ċittadin taż-żona tal-euro fil-karti tal-flus tagħhom”.
Il-karta l-ġdida tal-€20 hija t-tielet waħda mis-sensiela Europa, li ftit ftit qiegħda tieħu post is-sensiela oriġinali ta’ karti tal-euro li daħlet fl-2002. Il-karta tal-€5 tas-sensiela Europa ħarġet f’Mejju 2013 filwaqt li l-karta tal-€10 ħarġet f’Settembru 2014. Wara l-karta tal-€20 li ġiet ippreżentata llum, fis-snin li ġejjin se joħorġu l-karti l-ġodda tal-€50, €100, €200 u €500.
Il-karta tal-€20 hija waħda mid-denominazzjonijiet tal-karti tal-euro li jintużaw sikwit. Toħroġ fl-idejn permezz tal-ATMs, hija aċċettata minn ħafna magni tal-bejgħ u tal-biljetti, u l-bejjiegħa spiss jiċċekkjaw l-awtentiċità tagħha bl-użu ta’ tagħmir żgħir fuq il-bankijiet tal-ħwienet tagħhom.
Sabiex jgħinu lill-manifatturi tal-apparat li jipproċessa l-karti tal-flus u persuni oħra jħejju għall-introduzzjoni tal-karti l-ġodda tal-€20, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema għaddewlhom tagħrif u pprovdewlhom karti ġodda tal-flus minn qabel biex jittestjaw u jadattaw l-apparat tagħhom. Programm ta’ Sħubija – bħal dak li kien sar għall-€10 il-ġdida fl-2013 u li fih ħadu sehem aktar minn 300 imsieħeb fl-Ewropa kollha – se jipprovdi aktar tagħrif biex jgħin lill-manifatturi jiżguraw li l-apparat li jipproċessa u jivverifika l-karti tal-flus fiż-żona tal-euro kollha jkun lest fil-ħin għal meta jibdew jiċċirkolaw fil-25 ta’ Novembru 2015.
Għal aktar tagħrif tista’ ċċempel lil Eva Taylor (+49 69 1344 7162).