Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
  • 30 ta’ Jannar 2020

Il-BĊE jilqa’ r-ratifika tal-ftehim dwar l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea b’mod ordnat

  • Il-BĊE jiddispjaċih dwar it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea
  • Il-Bank ċentrali jinsab imħejji għall-kontinġenzi kollha, u qed jissorvelja l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji
  • Issa jeħtieġ li l-banek jibqgħu għaddejjin bl-implimentazzjoni tal-pjani tal-Brexit

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) esprima dispjaċir dwar it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-BĊE jilqa’ r-ratifika tal-ftehim dwar l-irtirar tar-Renju Unit b’mod ordnat. F’dawn l-aħħar xhur u snin, il-BĊE ħa passi biex iħejji għall-kontinġenzi kollha, u se jibqa’ jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji biex iżomm l-istabbiltà. Il-BĊE jisħaq fuq il-fatt li issa jeħtieġ li l-banek jibqgħu għaddejjin bl-implimentazzjoni tal-pjani tagħhom tal-Brexit skont it-termini ta’ żmien miftehma.

Il-President tal-BĊE, Christine Lagarde, qalet: “Hu b’dispjaċir kbir li naraw il-ħbieb Ingliżi tagħna jitilqu mill-Unjoni Ewropea. Madankollu, dan il-ftehim se jwitti t-triq għal tluq b’mod ordnat u b’inqas taqlib. Se naħdmu qatigħ biex niżguraw li l-Brexit jikkawża l-inqas taqlib possibbli għaċ-ċittadini, għal min iħaddem u għas-swieq finanzjarji fiż-żona tal-euro u l-bqija tal-UE.”

B’mod partikolari, il-BĊE għamel it-tħejjijiet li ġejjin:

  • F’Marzu 2019, il-BĊE u l-Bank of England attivaw arranġament ta’ swap tal-munita, li permezz tiegħu il-Bank of England, joffri kull ġimgħa self f’euro lill-banek tar-Renju Unit. Bħala parti mill-istess ftehim, l-Eurosistema tkun lesta biex issellef liri sterlini lill-banek taż-żona tal-euro jekk dan ikun meħtieġ. Dan inaqqas is-sorsi ta’ stress fis-sistema finanzjarja.
  • Fis-superviżjoni bankarja, il-BĊE pproċessa madwar 25 proċedura ta’ liċenzjar għal banek li jagħżlu rilokazzjoni fiż-żona tal-euro u vvaluta l-pjani Brexit ta’ 42 bank taż-żona tal-euro li se jżommu l-fergħat tagħhom fir-Renju Unit wara li r-Renju Unit jitlaq mill-UE. Issa l-BĊE jistenna li l-banek jimplimentaw il-pjani tagħhom skont l-impenji li daħlu għalihom fl-imgħoddi – inkluża l-implimentazzjoni tat-termimi ta’ żmien miftiehma mas-superviżuri tagħhom.
  • Il-BĊE u l-kontropartijiet tiegħu fir-Renju Unit ħadu passi biex jiżguraw kooperazzjoni tajba u kontinwa fil-qasam tas-superviżjoni bankarja, ukoll wara li jispiċċa l-perijodu tat-transizzjoni. Għalhekk, ġie miftieħem memorandum ta’ ftehim li se jippermetti lis-superviżuri jibqgħu iwettqu skambju ta’ informazzjoni u jikkoordinaw is-superviżjoni ta’ gruppi bankarji transkonfinali.
  • Il-Bank of England se joħroġ mis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali. Is-sehem attwali tal-Bank of England fil-kapital sottoskritt tal-BĊE, li hu ta’ 14.3%, se jiġi ri-allokat kemm fost il-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro (BĊN) kif ukoll fost il-BĊN l-oħra barra ż-żona tal-euro abbażi ta’ skema aġġornata għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-BĊE. Inħarġet stqarrija għall-istampa separata.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, jekk jogħġbok ikkuntattja lil William Lelieveldt, tel.: +49 69 1344 7316.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja