Kelmtejn ta’ tislima
Kelmtejn minn Mario Draghi, President tal-BĊE, fl-avveniment ta’ tislima li sar f’ġieħu.
Frankfurt am Main, 28 ta’ Ottubru 2019
Din is-sena taħbat l-għoxrin sena tal-unjoni monetarja, li taraha kif taraha, huwa anniversarju ta’ sinifikat kbir. Mhux ħafna żmien ilu, l-ekonomija taż-żona tal-euro kienet milquta minn livell ta’ qgħad li x’aktarx l-aħħar li rajna bħalu kienet id-Depressjoni l-Kbira, u saru mistoqsijiet fundamentali dwar jekk l-euro kienx fadallu ħajja. Illum 11-il miljun persuna qed jaħdmu. Il-fiduċja tal-pubbliku fl-euro telgħet għall-ogħla livelli li qatt rajna. Fiż-żona tal-euro kollha, min ifassal il-politika qed jisħaq li l-euro ma jistax jitreġġa’ lura.
Imma llum narah iktar bħala okkażjoni għar-riflessjoni milli għaċ-ċelebrazzjoni.
L-euro huwa proġett primarjament politiku, pass fundamentali lejn l-għan ta’ integrazzjoni politika akbar, li sabet il-ġustifikazzjoni ekonomika tagħha fl-istat prekarju tal-ekonomiji Ewropej f’nofs is-snin 80. Il-qgħad żdied minn 2.6% fl-1973 għal 9.2% fl-1985 u t-tkabbir naqas b’mod sinjifikanti fit-12-il pajjiż li kienu se jiffurmaw iż-żona tal-euro.
Dak li raw il-mexxejja viżjonarji ta’ dik l-era, madankollu, kien li l-Ewropa kellha għodda qawwija għad-dispożizzjoni tagħha biex iżżid it-tkabbir: tittrasforma s-suq komuni tagħha f'suq uniku. It-tneħħija tal-ostakli eżistenti għall-kummerċ u l-investiment jista’ jreġġa’ lura t-tnaqqis fil-potenzjal ekonomiku u jġib iktar nies lura għax-xogħol.
Iżda s-Suq Uniku dejjem kien ferm iktar minn dan biss. Għandu l-għan ukoll li jipproteġi lin-nies minn uħud mill-ispejjeż li inevitabbilment iġib tibdil bħal dan. B’differenza mill-proċess usa’ ta’ globalizzazzjoni, dan ippermetta lill-Ewropa li timponi l-valuri tagħha fuq l-integrazzjoni ekonomika – biex tibni suq li, kemm jista’ jkun, ikun liberu u ġust. Regoli komuni joħolqu fiduċja bejn il-pajjiżi, jagħtu lid-dgħajfin rimedju kontra dawk b’saħħithom u jipprovdu salvagwardji għall-ħaddiema.
Is-Suq Uniku, f'dan is-sens, kien tentattiv kuraġġuż għal “globalizzazzjoni ġestita”. Għaqqad il-kompetizzjoni ma’ livelli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u soċjali li ma hemmx bħalhom fil-bqija tad-dinja.
Imma kien hemm tip ta’ prattika inġusta li s-Suq Uniku ma setax jipprojbixxi: żvalutazzjonijiet kompetittivi. Dik il-prospettiva ddgħajjef il-fiduċja reċiproka li kienet kritika biex is-Suq Uniku jibqa’ ħaj u biex il-proġett ta’ integrazzjoni politika akbar jimxi ‘l quddiem.
Valuti flutwanti, għaldaqstant, ma kinux opzjoni, u r-rati tal-kambju fissi ma jaħdmux hekk kif il-kapital sar aktar mobbli fl-Ewropa, kif ippruvat il-kriżi ERM fl-1992-3.
Ir-risposta kienet li tinħoloq munita unika: suq uniku b’munita unika.
Dan l-element kien fil-biċċa l-kbira suċċess: id-dħul madwar il-kontinent żdied b’mod materjali, l-integrazzjoni u l-katini tal-valur żviluppaw sal-punt li ma kienx immaginabbli 20 sena ilu, u s-Suq Uniku baqa’ ħaj fl-agħar kriżi mis-snin 30.[1]
Imma l-aħħar 20 sena għallmuna żewġ lezzjonijiet vitali għal unjoni monetarja ta’ suċċess.
L-ewwel waħda hija dwar il-politika monetarja.
Meta twaqqaf il-BĊE, il-preokkupazzjoni dominanti tiegħu kienet li l-inflazzjoni tinżamm baxxa. Il-BĊE kien bank ċentrali ġdid mingħajr prestazzjoni ppruvata, u għalhekk il-qafas tal-politika tiegħu kien iddisinjat espressament biex jibni kredibilità anti-inflazzjonarja qawwija. Irnexxielu jilħaq dan malajr, u huwa mertu tremend tal-mexxejja tal-bidu tal-BĊE li l-ewwel għaxar snin tiegħu mxew mingħajr intoppi.
Imma ħadd ma seta’ jbassar li l-ambjent li qed tiffaċċja l-politika monetarja globalment kien dalwaqt se jinqaleb ħesrem: li l-forzi inflazzjonarji jibdlu f’dawk deflazzjonarji.
Fl-ekonomiji avvanzati kollha, dan ħtieġ paradigma ġdida għall-banek ċentrali, li kienet tikkonsisti f’żewġ elementi: id-determinazzjoni li tiġi miġġielda d-deflazzjoni b’mod qawwi daqs l-inflazzjoni, u l-flessibilità fl-għażla ta’ strumenti biex jagħmlu dan.
Fil-każ tagħna, il-BĊE wera li mhux se jaċċetta theddid għall-istabbiltà monetarja kkawżat minn biża’ bla bażi dwar il-futur tal-euro. Wera li jiġġieled ir-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet fit-tnaqqis b’mod daqstant vigoruż daqs dawk fiż-żidiet. U stabbilixxa li juża l-għodda kollha fil-mandat tiegħu biex jiżgura l-mandat tiegħu – mingħajr ma jaqbeż qatt il-limiti tal-liġi.
Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja affermat il-legalità tal-miżuri li ħadna, u kkonfermat id-diskrezzjoni wiesgħa tal-BĊE fl-użu tal-istrumenti kollha tiegħu b'mod neċessarju u proporzjonat biex jilħaq l-objettiv tiegħu.
Din is-sentenza kienet kruċjali, minħabba li kienet fin-nofs kien hemm l-essenza tal-bank ċentrali li sar l-BĊE, u li l-biċċa l-kbira tan-nies fl-Ewropa jridu jaraw: bank ċentrali modern li kapaċi juża l-istrumenti kollha tiegħu b’mod proporzjonat mal-isfidi li jiffaċċja, u istituzzjoni tassew federali li taġixxi fl-interessi taż-żona tal-euro kollha.[2]
It-tieni lezzjoni tikkonċerna l-bini istituzzjonali tal-EMU.
Iż-żona tal-euro hija mibnija fuq il-prinċipju ta’ “dominanza monetarja”, li jirrikjedi li l-politika monetarja tkun ikkonċentrat l-attenzjoni tagħha fuq l-istabbiltà tal-prezzijiet u ma tkun qatt issubordinata għall-politika fiskali. "Id-dominanza monetarja" ma tipprekludix il-komunikazzjoni mal-gvernijiet meta jkun ċar li l-politiki allinjati b'mod reċiproku jagħtu riżultat aktar mgħaġġel għall-istabbiltà tal-prezzijiet. Ifisser li l-allinjament bejn il-politiki, fejn meħtieġ, għandu jservi l-għan ta’ stabbiltà monetarja u m’għandux jaħdem għad-detriment tagħha.[3]
Illum, ninsabu f’sitwazzjoni fejn rati ta’ imgħax baxxi mhumiex qed jagħtu l-istess grad ta’ stimolu bħal fil-passat, minħabba li r-rata ta’ redditu fuq l-investiment fl-ekonomija naqset. Il-politika monetarja tista’ xorta tilħaq l-objettiv tagħha, imma tista’ tagħmel hekk aktar malajr u b'inqas effetti sekondarji jekk il-politiki fiskali jkunu allinjati magħha.
Huwa għalhekk li, mill-2014, il-BĊE poġġa gradwalment aktar enfasi fuq it-taħlita tal-politika makroekonomika fiż-żona tal-euro.[4] Politika fiskali aktar attiva fiż-żona tal-euro tagħmilha possibbli li l-politiki tagħna jiġu aġġustati aktar malajr u twassal għal rati ta’ mgħax ogħla.
Fl-unjoni monetarja tagħna, il-politiki nazzjonali għandhom ir-rwol ewlieni fl-istabbilizzazzjoni fiskali – wisq aktar minn politiki fil-livell tal-istat fl-Istati Uniti. Imma l-politiki nazzjonali mhux dejjem jistgħu jiggarantixxu l-pożizzjoni fiskali tajba għaż-żona tal-euro kollha kemm hi. Il-koordinazzjoni ta’ politiki fiskali deċentralizzati hija intrinsikament kumplessa. U politiki mhux ikkoordinati mhumiex biżżejjed, minħabba li l-konsegwenzi bejn pajjiżi minn espansjonijiet fiskali huma relattivament baxxi.
Din hija r-raġuni għaliex għandna bżonn kapaċità fiskali taż-żona tal-euro ta’ daqs u disinn adegwat: kbira biżżejjed biex tistabbilizza l-unjoni monetarja, imma maħsuba biex ma jinħoloqx periklu morali eċċessiv.
Ma hemmx soluzzjoni perfetta. Meta r-riskji jinqasmu, il-periklu morali ma’ jista’ qatt jitnaqqas għal żero, għalkemm jista' jkun ristrett ħafna minn disinn xieraq. Fl-istess ħin, għandna nirrikonoxxu wkoll li t-tqassim tar-riskji jista’ jgħin biex jitnaqqsu r-riskji.
Il-bini ta’ unjoni ta’ swieq kapitali, li jwassal għal tqassim akbar tar-riskji fis-settur privat, inaqqas konsiderevolment il-proporzjon tar-riskji li għandhom bżonn ikunu ġestiti minn kapaċità fiskali ċentrali. U kapaċità fiskali ċentrali mbagħad tnaqqas ir-riskji għall-unjoni kollha meta l-politiki nazzjonali ma jkunux jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom.
F’reġjuni oħra fejn il-politika fiskali kellha rwol ikbar mill-kriżi ‘l hawn, rajna li l-irpiljar beda aktar kmieni u r-ritorn għall-istabbiltà tal-prezzijiet kien aktar mgħaġġel. L-Istati Uniti kellhom defiċit ta’ 3.6% bħala medja mill-2009 sal-2018, filwaqt li ż-żona tal-euro kellha bilanċ pożittiv ta’ 0.5%[5]
Fi kliem ieħor, l-Istati Uniti kellhom kemm unjoni tas-swieq kapitali kif ukoll politika fiskali kontroċiklika. Iż-żona tal-euro ma kellha l-ebda unjoni tas-swieq kapitali u politika fiskali proċiklika.
It-triq lejn kapaċità fiskali x’aktarx ser tkun waħda twila. L-istorja turi li l-baġits rarament inħolqu għall-iskop ġenerali ta’ stabbilizzazzjoni, imma pjuttost biex iwasslu għanijiet speċifiċi fl-interess pubbliku. Fl-Istati Uniti, kienet il-ħtieġa li tingħeleb id-Depressjoni l-Kbira li wasslet għall-espansjoni tal-baġit federali fis-snin tletin. Forsi, għall-Ewropa, tkun meħtieġa kawża urġenti bħall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima biex naslu għal din l-attenzjoni kollettiva.
Tkun xi tkun it-triq li tittieħed, huwa ċar li issa huwa l-waqt għal aktar Ewropa, u mhux inqas. Infisser dan mhux b’mod assjomatiku, imma fl-ikbar tradizzjonijiet tal-federaliżmu. Meta r-riżultati jistgħu jinkisbu l-aħjar permezz ta’ politiki nazzjonali, inħallu l-affarijiet hekk. Imma fejn nistgħu nittrattaw it-tħassib leġittimu tal-pubbliku billi naħdmu flimkien biss, neħtieġu li l-Ewropa tkun aktar b'saħħitha.
Għalina l-Ewropej, f’dinja globalizzata, sovranità vera li tissodisfa l-bżonnijiet tan-nies għas-sigurtà u l-prosperità tista’ tinkiseb biss billi naħdmu flimkien.[6] Kif qalet il-Kanċillier Merkel, “aħna l-Ewropej għandna nieħdu d-destin f’idejna stess jekk irridu nkomplu ngħixu bħala komunità”.[7]
Meta naħdmu flimkien dan jippermettilna nħarsu l-interessi tagħna fl-ekonomija dinjija, nirreżistu l-pressjonijiet ta’ poteri barranin, ninfluwenzaw ir-regoli globali biex jirriflettu l-istandards tagħna, u li ninfurzaw il-valuri tagħna fuq korporazzjonijiet globali. Xejn minn dan ma jista’ jinkiseb fl-istess grad minn pajjiżi li jaġixxu waħedhom. F'dinja globalizzata, il-qsim tas-sovranità huwa mod kif terġa’ tikseb is-sovranità.
Imma li jiġi rrikonoxxut li għandna bżonn li neżerċitaw dak li l-President Macron sejjaħ “sovranità Ewropea”[8] biex tkun effettiva ma jfissirx li diġà għandna l-infrastrutturi politiċi biex nagħmlu hekk illum. Madankollu, il-konsapevolezza tan-neċessità tagħhom qed tikber malajr.
Rajna kif dan ħareġ fl-aktar elezzjoni riċenti tal-Parlament Ewropew, li forsi kienet l-ewwel elezzjoni bħal din miġġielda l-aktar fuq kwistjonijiet Ewropej. Anki dawk li kienu qed ifittxu li jnaqqsu r-ritmu tal-integrazzjoni Ewropea għamlu dan billi kkontestaw l-istituzzjonijiet tal-UE aktar milli jirrifjutaw il-leġittimità tagħhom għal kollox.
Dan huwa biss bidu, imma jissuġġerixxi li l-unjoni tagħna miexja fid-direzzjoni t-tajba. Ninsab fiduċjuż li se tibqa’ tagħmel hekk, għaliex fl-aħħar mill-aħħar huwa l-interess innifsu ta’ pajjiżi individwali li tiġi stabbilita t-triq futura tagħna lejn sovran Ewropew.
L-azzjonijiet ta’ bosta Ewropej impenjati, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE, għenu biex nilħqu dan il-punt. Hemm tliet gruppi li l-kontribuzzjonijiet tagħhom nixtieq li jiġu individwati.
L-ewwel wieħed huwa l-persunal tal-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali.
Kien hemm ħafna okkażjonijiet matul il-kriżi fejn il-BĊE sab ruħu tassew f’art mhux esplorata. Ħabbatna wiċċna, minn kwalunkwe perspettiva, ma’ sitwazzjoni ekonomika inkredibilment kumplessa, bi sfidi ġodda li dehru fil-mument li dawk antiki ġew solvuti.
Dawk is-snin kienu intensi għalikom u l-familji tagħkom. Imma d-dedikazzjoni tagħkom, is-suċċess tal-miżuri li ddisinjatu, u l-kompetenza li wrejtu ġewwa l-Eurosistema fl-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri, jagħmlu dawk is-snin memorabbli.
Dawn il-politiki issa huma disponibbli għal dawk kollha li jfasslu l-politika għall-ġejjieni biex jilqgħu għal sfidi simili. Dan huwa wirt li dwaru l-persunal kollu tal-Eurosistema jista’ jkun kburi. Mela, ippermettuli nesprimi l-gratitudni tiegħi għall-isforzi notevoli kollha tagħkom, li qdew tassew lill-BĊE f’dan iż-żmien bla preċedent, u b’dan il-mod, lill-poplu tal-Ewropa.
It-tieni grupp li nixtieq nenfasizza huma l-kollegi tiegħi fil-Bord Eżekuttiv u fil-Kunsill Governattiv – kemm tal-passat kif ukoll tal-preżent. Wettaqtu sensiela ta’ miżuri matul dawn l-aħħar tmien snin f’ċirkostanzi straordinarji. Il-fondament ta’ dawk id-deċiżjonijiet kien l-impenn konsistenti u inkundizzjonat tagħkom għall-mandat tagħna.
Kontu sodi fid-determinazzjoni tagħkom kemm biex twettqu l-mandat tagħna kif ukoll biex toqogħdu fil-konfini tiegħu – u qatt ma qtajtu qalbkom. Tista’ tħarsu lura b’sodisfazzjon fuq dak li ksibtu f’kundizzjonijiet ta' prova estrema, u bl-għarfien li tejjibtu l-benessri ta’ ħafna nies.
Dak li jgħaqqad il-Kunsill Governattiv dejjem kien – u dejjem se jibqa’ – ħafna akbar minn kwalunkwe ħaġa li tista’ tifirdu. Ilkoll naqsmu l-istess devozzjoni lejn il-mandat tagħna u l-istess passjoni għall-Ewropa. Nemmen li din il-konvinzjoni kondiviża se tkompli sservi lill-BĊE u lill-Ewropa fis-snin li ġejjin.
It-tielet grupp huma l-mexxejja Ewropej
Kellna nieħdu miżuri li xi drabi dehru kontroversjali għall-ewwel u li l-benefiċċji tagħhom ġew żvelati biss bil-mod. Id-determinazzjoni tagħna qatt ma falliet minħabba li kienet ibbażata fuq ix-xogħol sod tal-persunal tagħna, imseddqa mill-empatija għan-nies li kienu qed ibatu, u msaħħa mill-konvinzjoni li l-politiki jtejbu s-sitwazzjoni tagħhom.
Imma fi żminijiet bħal dawn – u speċjalment f’unjoni monetarja b’ħafna pajjiżi – il-mexxejja politiċi li traxxendew il-perspettivi nazzjonali meta vvalutaw il-politika monetarja tagħna, u li rrikonoxxew il-perspettiva taż-żona tal-euro u spjegawha lill-udjenza domestika tagħhom, ipprovdew sur essenzjali għall-indipendenza tagħna.
Ninsab grat li kellna dawn il-mexxejja fl-Ewropa, u għall-appoġġ u l-inkoraġġiment kostanti tagħkom matul il-kriżi.
President Macron, President Mattarella, Kanċillier Merkel: intom kontu qribna fil-Kunsill Ewropew u fil-fora globali, fi żmien meta banek ċentrali kbar oħra ffaċċjaw pressjoni politika dejjem aktar apparenti. Irresistejtu bil-qawwa l-ilħna illiberali li jixtiequ li nagħtu daharna lill-integrazzjoni Ewropea.
U, f’mumenti kritiċi, ħadtu l-passi meħtieġa biex tissalvagwardjaw l-euro u tipproteġu l-wirt li tħallilna: Ewropa magħquda, paċifika u sinjura.
Wasal iż-żmien li ngħaddi l-mandat lil Christine Lagarde. Għandi kull fiduċja li ser tkun mexxejja mill-aqwa għall-BĊE.
L-għan tiegħi dejjem kien li nosserva l-mandat minqux fit-Trattat, segwit f’indipendenza totali, u mwettaq permezz ta’ istituzzjoni li żviluppat f’bank ċentrali modern li kapaċi jiġġestixxi kwalunkwe sfida.
Kien privileġġ u unur li kelli l-opportunità li nagħmel hekk.
Grazzi.
- [1]Ara d-diskors ta’ Mario Draghi intitolat "L-Ewropa u l-euro 20 sena wara” fl-aċċettazzjoni tal-Laurea Honoris Causa fl-ekonomija mill-Università ta' Sant'Anna, Pisa, 15 ta’ Diċembru 2018.
- [2]Ara d-diskors ta’ Mario Draghi intitolat “Għoxrin sena tal-politika monetarja tal-BĊE” fil-Forum tal-BĊE dwar il-Bank Ċentrali, Sintra, 18 ta' Ġunju 2019.
- [3]Diskors ta’ Mario Draghi intitolat “Tfassil tal-politika, responsabbiltà u inċertezza” fl-aċċettazzjoni tal-Laurea Honoris Causa mill-Università Cattolica, 11 ta' Ottubru 2019.
- [4]Ara d-diskors ta’ Mario Draghi intitolat “Qgħad fiż-żona tal-euro” fis-simpożju Annwali tal-banek ċentrali f’Jackson Hole, 22 ta’ Awwissu 2014.
- [5]Bilanċ primarju aġġustat ċiklikament medju bħala perċentwali tal-PDG potenzjali.
- [6]Ara d-diskors ta’ Mario Draghi intitolat "Is-sovranità f'dinja globalizzata", fl-aċċettazzjoni tal-Laurea Honoris Causa fil-liġi mill-Università degli Studi di Bologna, Bologna, 22 ta’ Frar 2019.
- [7]Diskors tal-Kanċillier Angela Merkel lill-Parlament Ewropew, Strasburgu, 13 ta’ Novembru 2018.
- [8]Diskors tal-President Emmanuel Macron lill-Parlament Ewropew, Strasburgu, 17 ta’ April 2018.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja