Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Stqarrija introduttorja għall-konferenza stampa

Mario Draghi, President tal-BĊE,
Vítor Constâncio, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 8 ta’ Diċembru 2016

Sinjuri, hu l-pjaċir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukom għal din il-konferenza stampa. Issa se nagħtukom rapport fuq il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv, li għaliha attenda wkoll il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, is-Sur Dombrovskis.

Wara l-analiżi regolari tagħna tas-sitwazzjoni ekonomika u monetarja, illum għamilna evalwazzjoni komprensiva tal-prospettiva ekonomika u inflazzjonarja u tal-pożizzjoni tagħna fuq il-politika monetarja. Għalhekk, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjonijiet li ġejjin sabiex jilħaq l-għan tiegħu ta’ stabbiltà fil-prezzijiet.

Għal dawk li huma miżuri straordinarji tal-politika monetarja, se nkomplu bl-akkwisti fil-programm tax-xiri ta’ assi (APP) bir-ritmu attwali ta’ €80 biljun fix-xahar sal-aħħar ta’ Marzu 2017. Minn April 2017, l-akkwist nett ta’ assi huwa maħsub li jkompli bir-ritmu ta’ €60 biljun fix-xahar sal-aħħar ta’ Diċembru 2017 u iżjed, jekk ikun meħtieġ, u f’kull każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni li jkun konsistenti mal-għan tiegħu. Jekk, sadanittant, il-prospettiva ssir inqas favorevoli jew jekk il-kundizzjonijiet finanzjarji ma jibqgħux konsistenti mal-progress lejn aġġustament sostnut fix-xejra tal-inflazzjoni, il-Kunsill Governattiv biħsiebu jkabbar il-programm f’termini ta’ daqs u/jew tul ta’ żmien. L-akkwisti netti jibdew isiru flimkien mal-investiment mill-ġdid tal-pagamenti prinċipali minn titoli mixtrijin fl-APP li jimmaturaw.

Sabiex jiżgura li tkompli l-implimentazzjoni bla xkiel tal-akkwist ta’ assi min-naħa tal-Eurosistema, il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jaġġusta l-parametri tal-APP minn Jannar 2017 kif ġej. L-ewwel, il-firxa tal-maturità tal-programm ta’ xiri mis-settur pubbliku se titwessa’ billi l-maturità residwa minima għal titoli eliġibbli titnaqqas minn sentejn għal sena. It-tieni, l-akkwist ta’ titoli fl-APP b’rendita sal-maturità inqas mir-rata tal-imgħax fuq il-faċilità tad-depożitu tal-BĊE se jitħalla sakemm ikun jinħtieġ.

Ir-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE baqgħu l-istess u qegħdin inkomplu nistennew li jibqgħu fil-livelli attwali jew inqas għal perjodu estiż ta’ żmien, u sew wara li jintemm il-perjodu tal-akkwist nett ta’ assi min-naħa tagħna. 

L-estensjoni tal-lum tal-programm tax-xiri ta’ assi ġiet kalibrata biex iżżomm il-livell sostanzjali ferm ta’ rikonċiljazzjoni monetarja meħtieġ biex jassigura li r-rati tal-inflazzjoni jikkonverġu b’mod sostnut lejn livelli taħt iżda qrib 2% għal żmienu medju. Flimkien mal-volum imdaqqas ta’ akkwisti fl-imgħoddi u r-reinvestimenti li se jsiru fil-ġejjieni, l-estensjoni tiżgura li l-kundizzjonijiet finanzjarji fiż-żona tal-euro jibqgħu tassew favorevoli, billi dan huwa kruċjali biex nilħqu l-għan tagħna. B’mod partikolari, l-estensjoni tal-akkwisti tagħna għal perjodu itwal tippermetti preżenza fis-swieq iżjed sostnuta u, għalhekk, trażmissjoni iżjed fit-tul tal-miżuri ta’ stimolu li ħadna. Din il-kalibrazzjoni tirrifletti l-irkupru moderat iżda stabbli tal-ekonomija taż-żona tal-euro u l-pressjonijiet inflazzjonarji ta’ bażi li għadhom imrażżnin. Il-Kunsill Governattiv se jissorvelja mill-qrib l-evoluzzjoni tal-prospettiva għall-istabbiltà tal-prezzijiet u, jekk ikun ġustifikat biex jilħaq l-għan tiegħu, se jaġixxi billi juża l-istrumenti kollha disponibbli fi ħdan il-mandat tiegħu.

Issa se nispjega l-evalwazzjoni tagħna b’iżjed reqqa, u nibda bl-analiżi ekonomika. Il-PDG reali fiż-żona tal-euro żdied b’0.3% fuq bażi trimestrali fit-tielet trimestru tal-2016, wara tkabbir simili fit-tieni trimestru. It-tagħrif li dieħel, b’mod partikolari r-riżultati tal-istħarriġ, jindika x-xejra ta’ tkabbir se tkompli fir-raba’ trimestru tal-2016. Għall-ġejjieni iżjed imbiegħed, nistennew li l-espansjoni ekonomika tkompli miexja b’ritmu moderat iżda stabbli. It-trażmissjoni tal-miżuri tal-politika monetarja fl-ekonomija reali qiegħda ssostni d-domanda domestika u ffaċilitat id-deleveraging. It-titjib fil-profitabilità korporattiva u l-kundizzjonijiet tassew favorevoli tal-finanzjament qegħdin ikomplu jkattru l-irkupru fl-investiment. Barra dan, iż-żieda sostnuta fl-impjiegi, li qegħdin jibbenefikaw ukoll mir-riformi strutturali tal-imgħoddi, qiegħda tgħin id-dħul reali disponibbli tal-individwi u l-konsum privat. Fl-istess waqt, hemm indikazzjonijiet li l-irkupru globali qiegħed jissaħħaħ. Madankollu, it-tkabbir ekonomiku fiż-żona tal-euro huwa mistenni jitrażżan mir-ritmu kajman tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali u l-aġġustamenti tal-karti tal-bilanċ li għadhom qegħdin isiru f’għadd ta’ setturi.

Din l-evalwazzjoni hija riflessa b’mod ġenerali fit-tbassir makroekonomiku ta’ Diċembru 2016 għaż-żona tal-euro li sar mill-Eurosistema, li jipprevedi li l-PDG reali annwali se jiżdied b’1.7% fl-2016 u l-2017 u b’1.6% fl-2018 u l-2019. Meta titqabbel mat-tbassir makroekonomiku ta’ Settembru 2016 li sar mill-BĊE, il-prospettiva għat-tkabbir tal-PDG reali hija ġeneralment l-istess. Ir-riskji għall-prospettiva tat-tkabbir fiż-żona tal-euro għadhom ixaqilbu lejn tnaqqis.

Skont il-kalkolu preliminari tal-Eurostat, l-inflazzjoni HICP annwali fiż-żona tal-euro kienet 0.6% f’Novembru 2016, żieda minn 0.5% f’Ottubru u 0.4% f’Settembru. Dan kien jirrifletti l-aktar iż-żieda fl-inflazzjoni annwali tal-enerġija, filwaqt li s’issa għad m’hemm ebda sinjal ta’ xejra konvinċenti ta’ żieda fl-inflazzjoni ta’ bażi. Għall-ġejjieni, skont il-prezzijiet attwali tal-kuntratti ta’ xiri ta’ żejt fil-ġejjieni, ir-rati nominali tal-inflazzjoni aktarx jibdew jogħlew b’mod sinifikanti mal-bidu tas-sena l-ġdida, l-iżjed minħabba l-effetti ta’ bażi fir-rata annwali ta’ bidla tal-prezzijiet tal-enerġija. Bl-għajnuna tal-miżuri tagħna fil-politika monetarja, l-irkupru ekonomiku mistenni u l-assorbiment gradwali korrispondenti tan-nuqqas ta’ attività ekonomika, ir-rati tal-inflazzjoni għandhom ikomplu jiżdiedu fl-2018 u l-2019.

Din ix-xejra hija riflessa wkoll fit-tbassir makroekonomiku ta’ Diċembru 2016 għaż-żona tal-euro li sar mill-Eurosistema, li jipprevedi inflazzjoni HICP annwali ta’ 0.2% fl-2016, 1.3% fl-2017, 1.5% fl-2018 u 1.7% fl-2019. Meta titqabbel mat-tbassir makroekonomiku ta’ Settembru 2016 tal-BĊE, il-prospettiva għall-inflazzjoni HICP nominali hija ġeneralment l-istess.

Għal dik li hija l-analiżi monetarja, l-aggregat monetarju wiesa’ (M3) immodera f’Ottubru 2016 u r-rata tat-tkabbir annwali tiegħu naqset għal 4.4%, wara 5.1% f’Settembru. Bħal fix-xhur ta’ qabel, it-tkabbir annwali fl-M3 kien megħjun fil-parti l-kbira mill-komponenti l-iżjed likwidi tiegħu, bl-aggregat monetarju ristrett (M1) jespandi b’rata annwali ta’ 7.9% f’Ottubru, wara 8.4% f’Settembru.

L-iżviluppi fis-self imxew max-xejra tal-irkupru gradwali osservata sa mill-bidu tal-2014. Ir-rata annwali ta’ bidla tas-self lill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji żdiedet għal 2.1% f’Ottubru 2016, minn 2.0% fix-xahar ta’ qabel. Ir-rata ta’ tkabbir annwali tas-self lill-individwi baqgħet 1.8%. Għalkemm l-iżviluppi fil-kreditu tal-banek ikomplu jirriflettu r-relazzjoni staġnata maċ-ċiklu tan-negozju, ir-riskju tal-kreditu u l-aġġustament kontinwu tal-karti tal-bilanċ tas-settur finanzjarju u s-settur mhux finanzjarju, il-miżuri tal-politika monetarja stabbiliti minn Ġunju 2014 qegħdin jgħinu b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet tas-self għall-kumpaniji u l-individwi u għalhekk il-flussi tal-kreditu fiż-żona tal-euro kollha.

Fil-qosor, kontroverifika tar-riżultati tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet li joħorġu mill-analiżi monetarja kkonfermat il-ħtieġa li jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-politika monetarja tal-lum sabiex jinżamm l-ammont sostanzjali ferm ta’ sostenn monetarju meħtieġ biex jiġi żgurat li r-rati tal-inflazzjoni jerġgħu lura għal livelli li huma taħt iżda qrib 2% mingħajr dewmien żejjed.

Il-politika monetarja hija ffukata biex iżżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet għal żmien medju u x-xejra rikonċiljatorja tagħha ssostni l-attività ekonomika. Kif ilu jisħaq il-Kunsill Governattiv, oqsma ta’ politika oħra jridu jagħtu sehemhom b’mod iżjed deċiżiv, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew, sabiex jinħasdu l-benefiċċji kollha tal-miżuri tal-politika monetarja li ħadna. Ir-ritmu tal-implimentazzjoni tar-riformi strutturali b’mod partikolari jeħtieġ jitħaffef b’mod sostanzjali biex jonqos il-qgħad strutturali u tingħata spinta lit-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni fiż-żona tal-euro. Ir-riformi strutturali huma meħtieġa fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro. L-attenzjoni għandha tintefa’ fuq azzjonijiet li jkabbru l-produttività u jtejbu l-klima tan-negozju, inkluż il-provediment ta’ infrastruttura pubblika adegwata, għax dawn huma essenzjali biex jikber l-investiment u jitkattar il-ħolqien tal-impjiegi. It-titjib fl-inizjattivi attwali tal-investiment, il-progress lejn l-unjoni tas-swieq tal-kapital u r-riformi li għandhom itejbu r-riżoluzzjoni tas-self improduttiv ukoll se jagħtu sehemhom b’mod pożittiv għal dan il-għan. F’ambjent ta’ politika monetarja rikonċiljatorja, l-implimentazzjoni mgħaġġla u effikaċi tar-riformi strutturali ssaħħaħ ukoll iż-żona tal-euro biex tilqa’ għall-iskossi globali. Il-politika fiskali għandha ssostni wkoll l-irkupru ekonomiku filwaqt li tibqa’ konformi mar-regoli fiskali tal-Unjoni Ewropea. L-implimentazzjoni sħiħa u konsistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir maż-żmien u fil-pajjiżi kollha tibqa’ kruċjali biex tiżgura fiduċja fil-qafas fiskali. Fl-istess waqt, huwa essenzjali li l-pajjiżi kollha jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex ikollhom politika fiskali li tgħin it-tkabbir.

Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja