Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Ir-rata tal-imgħax negattiva tal-BĊE

12 June 2014 (aġġornat fit-28 ta' Lulju 2022)

Ix-xogħol tagħna huwa li l-prezzijiet jinżammu stabbli. Dan nagħmluh billi nimmiraw għal rata ta’ inflazzjoni ta’ 2% fuq żmien medju. Bħall-biċċa l-kbira tal-banek ċentrali, aħna ninfluwenzaw l-inflazzjoni billi nistabbilixxu r-rati tal-imgħax. Jekk il-bank ċentrali jkun irid jieħu passi kontra inflazzjoni għolja wisq, ġeneralment iżid ir-rati tal-imgħax biex is-self isir aktar għali u t-tfaddil isir aktar attraenti. Bil-maqlub, jekk ikun irid jilqa' għal inflazzjoni baxxa wisq, inaqqas ir-rati tal-imgħax.
Fl-2014 l-inflazzjoni taż-żona tal-euro kienet mistennija li tibqa' konsiderevolment taħt l-objettiv tagħna għal perjodu twil. Għal din ir-raġuni, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE qies li kellu jbaxxi r-rati tal-imgħax f’Ġunju ta’ dik is-sena. Il-BĊE għandu tliet rati tal-imgħax ewlenin li jista' jaġixxi fuqhom: il-faċilità tas-self marġinali għal self overnight lill-banek, l-operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament u l-faċilità tad-depożitu. Ir-rata ewlenija ta' rifinanzjament hija r-rata li biha l-banek jistgħu jissellfu regolarment mill-BĊE filwaqt li r-rata tad-depożitu hija r-rata li jirċievu l-banek għal fondi miżmuma fil-bank ċentrali. Dawn it-tliet rati tnaqqsu kollha. It-tnaqqis kien parti minn pakkett ta' miżuri mfasslin biex jiggarantixxu l-istabbiltà tal-prezzijiet għal żmien medju, billi din hija kundizzjoni meħtieġa għal tkabbir sostenibbli fiż-żona tal-euro.

Issa rrid inħallas lill-bank tiegħi biex iżommli l-flus li faddalt? Kif se jintlaqtu l-flus li faddalt b' rata negattiva tad-depożitu?

Il-banek kummerċjali jistgħu jagħżlu li jnaqqsu r-rati tal-imgħax għal min ifaddal u uħud għaddew ir-rati negattivi lill-klijenti tagħhom li għandhom depożiti kbar. Fl-istess waqt, madankollu, il-konsumaturi u n-negozji jistgħu jissellfu bl-irħis u dan għen biex l-ekonomija terġa' tqum fuq saqajha.
F'ekonomija tas-suq, ir-redditu mit-tfaddil huwa marbut mal-provvista u d-domanda. Hekk, rati tal-imgħax baxxi għal perjodu twil huma r-riżultat ta' tkabbir dgħajjef u redditu insuffiċjenti fuq il-kapital. Fir-realtà, id-deċiżjonijiet tal-BĊE dwar ir-rati tal-imgħax fl-aħħar mill-aħħar aġevolaw lil min ifaddal minħabba li sostnew it-tkabbir u ħolqu klima li fiha r-rati tal-imgħax setgħu jerġgħu lura gradwalment għal livelli aktar għoljin.

Iżda għaliex tikkastiga lil min ifaddal u tippremja lil min jissellef?

Ix-xogħol ewlieni ta' bank ċentrali huwa li jagħmilha aktar jew anqas attraenti għall-individwi u n-negozji biex ifaddlu jew jissellfu, iżda dan ma jsirx bi spirtu ta' kastig jew premju. Meta jnaqqas ir-rati tal-imgħax u hekk jagħmilha anqas attraenti għan-nies biex ifaddlu u aktar attraenti biex jissellfu, il-bank ċentrali jħajjar in-nies jonfqu l-flus jew jinvestu. Min-naħa l-oħra, jekk bank ċentrali jgħolli r-rati tal-imgħax, kollox ma' kollox l-inċentiva timxi lejn aktar tfaddil u anqas infiq, u dan jista' jgħin biex jagħti n-nifs lil ekonomija li tkun qiegħda tbati minn inflazzjoni għolja. Din l-imġiba mhijiex marbuta mal-BĊE biss iżda tgħodd għall-banek ċentrali kollha.

Jistgħu l-banek jevitaw ir-rata negattiva tad-depożitu? Ngħidu aħna, jistgħu jiddeċiedu sempliċement li jaħżnu aktar karti tal-flus?

Jekk bank iżomm aktar flus mir-rekwiżit minimu ta' riżervi tiegħu u ma jkunx irid jislef lil banek kummerċjali oħra, għandu żewġ għażliet biss: li jżomm il-flus f’kont fil-bank ċentrali jew li żżommhom bħala flus kontanti. Iżda l-ħażna ta' flus kontanti ġġib spiża magħha − mhux l-inqas minħabba li l-bank ikollu bżonn faċilità ta' ħażna b'sigurtà kbira biex iżomm il-karti tal-flus. Għalhekk x'aktarx li ebda bank ma jagħmel din l-għażla. L-iktar konklużjoni plawsibbli tkun li l-banek jew jisilfu l-flus lil banek oħrajn jew iħallsu r-rata negattiva tad-depożitu.

Aġġornat f’Awwissu 2021 biex jirrifletti l-eżitu tar-reviżjoni tal-istrateġija fl-2020-21.

ARA WKOLL

Skopri iktar dwar kontenut relatat