Unjoni Ekonomika u Monetarja
F’Ġunju 1988 il-Kunsill Ewropew tal-Unjoni Ewropea kkonferma li l-Unjoni Ekonomika u Monetarja kellha titwettaq f'sensiela ta' fażijiet. Il-Kunsill ta l-mandat lil kumitat immexxi minn Jacques Delors, li dak iż-żmien kien il-President tal-Kummissjoni Ewropea, biex jeżamina u jipproponi fażijiet konkreti li kellhom iwasslu għal din l-unjoni.
Il-kumitat kien magħmul mill-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ dik li kienet il-Komunità Ewropea u minn Alexandre Lamfalussy, il-Maniġer Ġenerali tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BIS), Niels Thygesen, professur tal-ekonomija mid-Danimarka u Miguel Boyer, il-President tal-Banco Exterior de España.
Il-kumitat ħareġ bir-Rapport Delors li ppropona li l-unjoni ekonomika u monetarja kellha tintlaħaq fi tliet fażijiet diskreti iżda evoluzzjonarji.
Il-fażijiet tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja
L-EWWEL FAŻI mill-1 ta' Lulju 1990 |
Libertà sħiħa għat-tranżazzjonijiet tal-kapital |
---|---|
Aktar kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali | |
Użu liberu tal-ECU (European Currency Unit, il-munita ta' qabel l-€) | |
Titjib fil-konverġenza ekonomika | |
IT-TIENI FAŻI mill-1 ta' Jannar 1994 |
Twaqqif tal-Istitut Monetarju Ewropew (IME) |
Il-banek ċentrali ma jitħallewx jagħtu kreditu lis-settur pubbliku | |
Koordinament akbar fil-politika monetarja | |
Tisħiħ tal-konverġenza ekonomika | |
Proċess lejn l-indipendenza tal-banek ċentrali nazzjonali, li kellu jitlesta sad-data tat-twaqqif tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali | |
Xogħol ta’ tħejjija għat-Tielet Fażi | |
IT-TIELET FAŻI mill-1 ta' Jannar 1999 |
Ir-rati tal-kambju ffissati b'mod irrevokabbli |
Dħul tal-euro | |
Tmexxija tal-politika monetarja unika mis-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali | |
Dħul fis-seħħ tal-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fl-Unjoni Ewropea (ERM II) | |
Dħul fis-seħħ tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir |
L-Ewwel Fażi
L-Ewwel Fażi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja
Bi qbil mar-Rapport Delors, f'Ġunju 1989 il-Kunsill Ewropew ħa d-deċiżjoni li l-ewwel fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja kellha tibda fl-1 ta’ Lulju 1990. F’din id-data, fil-prinċipju, kellhom jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-moviment ta' kapital bejn l-Istati Membri.
Il-Kumitat tal-Gvernaturi
Is-sehem tal-Kumitat tal-Gvernaturi tal-banek ċentrali tal-Istati Membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea fil-kooperazzjoni monetarja baqa' jikber fl-importanza minn meta nħoloq f’Mejju 1964 u r-responsabbiltajiet tiegħu komplew jikbru. Ir-responsabbiltajiet il-ġodda ġew stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Marzu 1990. Fost id-dmirijiet ġodda, il-kumitat kellu jikkonsulta dwar il-politika monetarja tal-Istati Membri u jħeġġeġ il-koordinament tagħha bil-għan li l-prezzijiet jinżammu stabbli.
Minħabba ż-żmien relattivament qasir li kien baqa' u l-kumplessità tad-dmirijiet involuti, il-Kumitat tal-Gvernaturi beda jaħdem fuq it-tħejjijiet għat-Tielet Fażi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. L-ewwel pass kien li jiġu identifikati l-kwistjonijiet kollha li kellhom jiġu eżaminati f’fażi bikrija biex jiġi stabbilit programm ta’ ħidma sa tmiem l-1993 u b'hekk jiġu definiti l-mandati tas-sottokumitati u l-gruppi ta’ ħidma eżistenti mwaqqfa għal dak il-għan.
Tħejjijiet legali
Biex jintlaħqu t-Tieni u t-Tielet Fażi, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (it-Trattat ta' Ruma) ħtieġlu jiġi rivedut biex tiġi stabbilita l-istruttura istituzzjonali meħtieġa. Għal dan il-għan issejħet Konferenza Intergovernattiva dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja li saret fl-1991, fl-istess żmien li kienet għaddejja l-Konferenza Intergovernattiva dwar l-unjoni politika.
In-negozjati wasslu biex f'Diċembru 1991 intlaħaq ftehim fuq it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li ġie ffirmat f’Maastricht fis-7 ta’ Frar 1992. Madankollu, minħabba dewmien fil-proċess ta’ ratifika, it-Trattat (li emenda t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea – li bidel ismu għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea – u introduċa, inter alia, il-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Istitut Monetarju Ewropew) ma daħlux fis-seħħ sa l-1 ta' Novembru 1993.
It-Tieni Fażi
It-Tieni Fażi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja
Twaqqif tal-Istitut Monetarju Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew
It-twaqqif tal-Istitut Monetarju Ewropew (IME) fl-1 ta’ Jannar 1994 ġab miegħu l-bidu tat-tieni fażi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Kumitat tal-Gvernaturi ma baqax jeżisti. L-eżistenza temporanja tal-IME kienet tirrifletti l-qagħda tal-integrazzjoni monetarja fil-Komunità. L-IME ma kellu ebda responsabbiltà għat-tmexxija tal-politika monetarja fl-Unjoni Ewropea, li baqgħet f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali, u lanqas ma kellu l-kompetenza biex iwettaq interventi li kellhom x'jaqsmu mal-kambju.
Iż-żewġ dmirijiet ewlenin tal-IME kienu li:
- isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-banek ċentrali u l-koordinament tal-politika monetarja, u
- jagħmel it-tħejjijiet meħtieġa għat-twaqqif tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), għat-tmexxija tal-politika monetarja unika u għall-ħolqien ta’ munita unika fit-tielet fażi.
Għal dan il-għan l-IME serva ta' forum għall-konsultazzjoni u għall-iskambju ta’ fehmiet u tagħrif dwar kwistjonijiet li kellhom x'jaqsmu ma' linji politiċi differenti. L-IME speċifika wkoll il-qafas regolatorju, organizzattiv u loġistiku meħtieġ biex is-SEBĊ tkun tista’ twettaq dmirijietha fit-Tielet Fażi.
- Dwar il-ħidma ta’ tħejjija tal-IME
- Rapport tal-konferenza li saret fl-okkażjoni tal-20 anniversarju mit-twaqqif tal-IME
F’Diċembru 1995 il-Kunsill Ewropew qabel fuq l-isem tal-munita Ewropea li kellha tidħol fil-bidu tat-Tielet Fażi, l-euro, u kkonferma li t-Tielet Fażi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja kellha tibda fl-1 ta’ Jannar 1999. Tħabbru d-dati ta' sensiela ta' avvenimenti marbuta mal-bidla għall-euro. Dawn kienu msejsa prinċipalment fuq proposti dettaljati maħduma mill-IME.
L-ERM II
Fl-istess waqt l-IME ngħatalu d-dmir li jagħmel xogħol ta’ tħejjija dwar kif kellhom ikunu r-relazzjonijiet monetarji u r-rati tal-kambju bejn iż-żona tal-euro u pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea fil-ġejjieni. F’Diċembru 1996 l-IME ppreżenta r-rapport tiegħu lill-Kunsill Ewropew u dan serva ta' bażi għal Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-prinċipji u l-elementi fundamentali tal-mekkaniżmu l-ġdid tar-rati tal-kambju (ERM II) li ġie adottat f’Ġunju 1997.
Karti tal-flus ġodda
F’Diċembru 1996 l-IME ppreżenta wkoll lill-Kunsill Ewropew, u wara lill-pubbliku, is-sensiela ta’ disinji magħżula għall-karti tal-euro li kellhom jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2002.
Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir
Sabiex jikkumplimenta u jispeċifika l-provedimenti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill Ewropew adotta l-Patt ta’ Stabbilità u Tkabbir f’Ġunju 1997.Dan il-patt jiġbor fih żewġ Regolamenti u għandu l-għan li jiggarantixxi d-dixxiplina baġitarja fejn tidħol l-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Dikjarazzjoni tal-Kunsill li saret f'Mejju 1998 serviet ta' suppliment għall-Patt u tejbet l-impenji miġbura fih. Fl-2005 u fl-2011 saru riformi għal dan il-patt.
Parteċipanti tal-bidu
Fit-2 ta’ Mejju 1998 il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, magħmul mill-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern, ħa d-deċiżjoni unanima li ħdax-il Stat Membru kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jipparteċipaw fit-Tielet Fażi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u biex jadottaw il-munita unika fl-1 ta’ Jannar 1999. Il-parteċipanti tal-bidu kienu l-Awstrija, il-Belġju, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall u Spanja. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea laħaq ukoll ftehim politiku dwar il-persuni li kellhom jiġu rakkomandati biex jinħatru membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Tħejjija għall-iffissar tar-rati tal-kambju
F’Mejju 1998 ukoll, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri li kienu se jadottaw il-munita unika ftiehmu mal-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ dawn l-Istati Membri, mal-Kummissjoni Ewropea u mal-IME li r-rati ċentrali bilaterali kurrenti tal-ERM tal-muniti tal-Istati Membri parteċipanti kellhom jintużaw biex jiġu stabbiliti r-rati tal-kambju irrevokabbli tal-euro.
Ħatra ta’ korpi deċiżjonali
Fil-25 ta’ Mejju 1998 il-gvernijiet tal-ħdax-il Stat Membru parteċipanti ħatru l-President, il-Viċi President u l-erba’ membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-ħatra tagħhom bdiet isseħħ mill-1 ta’ Ġunju 1998 u effettivament kienet tfisser it-twaqqif tal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti jikkostitwixxu l-Eurosistema li tifformola u tiddefinixxi l-politika monetarja unika tat-Tielet Fażi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
Bit-twaqqif tal-Bank Ċentrali Ewropew fl-1 ta’ Ġunju 1998 l-Istitut Monetarju Ewropew temm id-dmirijiet tiegħu. Skont l-Artikolu 123 (li qabel kien l-Artikolu 109l) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-Istitut Monetarju Ewropew ġie xolt mat-twaqqif tal-Bank Ċentrali Ewropew. Ix-xogħol kollu ta' tħejjija fdat f’idejn l-Istitut Monetarju Ewropew intemm f'waqtu u l-Bank Ċentrali Ewropew iddedika l-bqija tal-1998 biex jagħmel l-aħħar provi tas-sistemi u l-proċeduri.
It-Tielet Fażi
It-Tielet Fażi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja
Ir-rati tal-kambju ffissati b'mod irrevokabbli
Fl-1 ta’ Jannar 1999 bdiet it-tielet u l-aħħar fażi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja billi ġew iffissati b'mod irrevokabbli r-rati tal-kambju tal-muniti tal-11-il Stat Membru li kienu qegħdin jipparteċipaw fl-Unjoni Monetarja kif ukoll billi r-responsabbiltà għat-tmexxija ta’ politika monetarja unika għaddiet f'idejn il-Bank Ċentrali Ewropew.
L-għadd ta’ Stati Membri parteċipanti żdied għal 12 fl-1 ta’ Jannar 2001 meta l-Greċja daħlet fit-Tielet Fażi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Is-Slovenja saret it-13-il membru taż-żona tal-euro fl-1 ta' Jannar 2007, Ċipru u Malta daħlu sena wara, is-Slovakkja fl-1 ta' Jannar 2009, l-Estonja fl-1 ta' Jannar 2011, il-Latvja fl-1 ta' Jannar 2014, il-Litwanja fl-1 ta' Jannar 2015 u l-Kroazja fl-1ta'Jannar2023. Fil-jum li fih dawn il-pajjiżi ssieħbu fiż-żona tal-euro, il-bank ċentrali tagħhom awtomatikament sar parti mill-Eurosistema.