Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Strateġija tal-politika makroprudenzjali

L-għan aħħari tal-politika makroprudenzjali huwa ż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja. Dan jinkludi t-tisħiħ tas-sistema finanzjarja u l-limitazzjoni tal-akkumulazzjoni ta’ dgħufijiet, sabiex jittaffa r-riskju sistemiku u jiġi żgurat li s-servizzi finanzjarji jkomplu jingħataw b’mod effettiv lill-ekonomija reali.

Limitazzjoni tar-riskji sistemiċi

Ir-riskji sistemiċi jistgħu joriġinaw minn skossi makroekonomiċi kbar, żbilanċi finanzjarji, fosthom żieda eċċessiva fil-kreditu, ingranaġġ (leverage) u diskrepanzi fil-maturità, kif ukoll effetti ta’ kontaġju.

Sabiex ir-riskji sistemiċi jiġu limitati, il-politika makroprudenzjali tfittex li:

  • tevita l-akkumulazzjoni eċċessiva tar-riskju, li tiġi minn fatturi esterni u nuqqasijiet fis-swieq, sabiex iċ-ċiklu finanzjarju jimxi bla xkiel (id-dimensjoni taż-żmien)
  • issaħħaħ is-settur finanzjarju u tillimita l-effetti ta’ kontaġju (id-dimensjoni trasversali)
  • tħeġġeġ perspettiva wiesgħa għas-sistema kollha fir-regolamentazzjoni finanzjarja biex jinħoloq sett xieraq ta’ inċentivi għall-parteċipanti fis-swieq (id-dimensjoni strutturali)

Strumenti

Ir-Regolament tal-MSU jagħti setgħat makroprudenzjali kemm lill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll lill-BĊE, u għalhekk ir-responsabbiltà għall-politika makroprudenzjali tinqasam (Artikolu 5). L-istrumenti tal-politika makroprudenzjali jistgħu jingħażlu skont tliet linji:

  • miżuri tal-kapital
  • miżuri tas-self
  • miżuri tal-likwidità

Dawn l-istrumenti jkomplu jsaħħu s-sistema finanzjarja billi jżidu l-bafers tal-kapital u tal-likwidità. Fosthom hemm il-bafers tal-kapital għal istituzzjonijiet ta’ importanza sistemika globali u oħrajn, il-proporzjon tal-kopertura tal-likwidità (LCR) u l-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett (NSFR). L-awtoritajiet nazzjonali u l-BĊE jistgħu jimponu bafers kontroċikliċi biex jilqgħu għall-akkumulazzjoni ċiklika ta’ riskji sistemiċi. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu wkoll jimponu miżuri li jillimitaw is-self safejn jippermetti l-qafas nazzjonali, bħal pereżempju fil-każ tal-ipoteki fil-livell ta’ selliefa individwali.

Interazzjoni tal-politika makroprudenzjali

Il-politika makroprudenzjali ma tistax titqies għal rasha. Hemm interazzjoni importanti bejn il-miżuri mikroprudenzjali, makroprudenzjali u dawk tal-politika monetarja.

Interazzjoni mal-politika monetarja

Il-politika monetarja u dik makroprudenzjali jinteraġixxu bejniethom l-aktar minħabba li għandhom mezz komuni ta’ trażmissjoni fis-sistema finanzjarja, u speċjalment permezz tas-sistema bankarja. Iż-żewġ oqsma jistgħu jikkomplementaw lil xulxin biex jiggarantixxu kemm stabbiltà fil-prezzijiet kif ukoll stabbiltà finanzjarja.

L-istrumenti makroprudenzjali jistgħu jintużaw b’mod selettiv u speċifiku biex jillimitaw ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja anki f’ambjent ekonomiku maħkum minn inflazzjoni baxxa. L-istruttura istituzzjonali taż-żona tal-euro tippermetti lill-BĊE jibbenefika minn tagħrif komuni u qafas analitiku konsistenti.

Interazzjoni mas-superviżjoni bankarja

Is-superviżjoni mikroprudenzjali u l-politika makroprudenzjali jikkomplementaw lil xulxin minkejja li għandhom fokus differenti. Filwaqt li l-politika mikroprudenzjali ssaħħaħ l-istituzzjonijiet finanzjarji individwali, il-politika makroprudenzjali tfittex li tilqa’ kontra r-riskji li jitfaċċaw għas-sistema finanzjarja kollha kemm hi.

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE u l-Bord Superviżorju jiltaqgħu regolarment fil-Forum Makroprudenzjali sabiex isostnu fehma komuni tas-sitwazzjoni fis-settur finanzjarju.

Il-paġni kollha f’din it-taqsima