Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Mejju 2023

26 ta' Mejju 2023.

Komunikazzjoni esterna

Rapport Annwali tal-BĊE 2022

Fi-5 ta’ Mejju 2023 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali tal-BĊE 2022, li kien ippreżentat lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew u disponibbli fis-sit web tal-BĊE bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea fil-25 ta’ Mejju 2022.

Politika makroprudenzjali u stabbiltà finanzjarja

Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja – Mejju 2023

Fl-24 ta’ Mejju 2023 il-Kunsill Governattiv kellu skambju ta’ fehmiet dwar kwistjonijiet ta’ stabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro fuq il-bażi tal-edizzjoni ta’ Mejju 2023 tar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu fuq is-sit web tal-BĊE. Minbarra li jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-vulnerabbiltajiet ewlenin tal-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro, din l-edizzjoni tinkludi tliet karatteristiċi speċjali. L-ewwel teżamina kif l-interazzjoni bejn il-likwidità tas-suq u l-likwidità tal-finanzjament tista’ tkabbar l-istress fis-sistema finanzjarja. It-tieni tinvestiga l-kanali li permezz tagħhom l-istress f'istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji jista' jaffettwa lill-banek taż-żona tal-euro. It-tielet tespandi fuq il-ħidma biex jiġi identifikat theddid potenzjali mit-tibdil fil-klima, kompluta b'informazzjoni dwar ir-riskji assoċjati għas-sovrani. Ir-Rapport huwa skedat li jiġi ppubblikat fis-sit web tal-BĊE fil-31 ta’ Mejju 2023.

Infrastruttura tas-suq u ħlasijiet

Teknoloġiji ġodda għas-saldu tal-flus tal-banek ċentrali bl-ingrossa

Fit-28 ta’ April 2023, il-BĊE ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jesplora soluzzjonijiet potenzjali għas-saldu tal-flus tal-bank ċentrali tat-tranżazzjonijiet finanzjarji bl-ingrossa rreġistrati fuq pjattaformi tat-teknoloġija tal-kotba distribwiti. Se jitwaqqaf grupp dedikat ta’ kuntatt tas-suq biex jappoġġa l-ħidma tal-Eurosistema u jrawwem id-djalogu. L-istqarrija għall-istampa relatata hi disponibbli fis-sit web tal-BĊE.

Kompożizzjoni tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq mill-1 ta' Ġunju 2023 sal-31 ta' Mejju 2026

Fil-5 ta’ Mejju 2023 il-Kunsill Governattiv approva l-kompożizzjoni l-ġdida tal-Bord tal-Infrastruttura tas-Suq (MIB) peress li l-mandat tal-membri attwali jiskadi fil-31 ta’ Mejju 2023. Għaldaqstant, il-Kunsill Governattiv ħatar il-persuni li ġejjin b'mandat mill-1 Ġunju 2023 sal-31 ta' Mejju 2026: (a) Ulrich Bindseil (ECB) bħala President u Inge van Dijk (NL) bħala Viċi President tal-MIB; (b) Inge van Dijk (NL), Maria Tereza Cavaco (PT), Alexandre Gautier (FR), Salvatore Luigi Alonzo (IT), Julian Reischle (DE), Carlos Conesa (ES), Marc Lejoly (BE), Kirsi Ripatti (FI) u Petia Niederländer (AT) bħala membri tal-MIB mill-banek ċentrali taż-żona tal-euro; (c) Christina Wejshammar (SE) u Peter E. Storgaard (DK) bħala membri tal-MIB mill-banek ċentrali mhux taż-żona tal-euro; (d) Etienne Goosse u Jean-Marc Eyssautier bħala membri mhux bankarji ċentrali tal-MIB.

Aġġornament tal-qafas kuntrattwali TARGET2-Securities

Fl-10 ta' Mejju 2023 il-Kunsill Governattiv irreveda l-qafas kuntrattwali tat-TARGET2-Securities (T2S) u approva l-ftehimiet emendati relatati. L-għan tar-reviżjoni kien li jiġi żgurat li l-qafas kuntrattwali jirrifletti sew l-evoluzzjoni, maż-żmien, u l-istat attwali tal-pjattaforma T2S. Id-dokumenti aġġornati se jiġu ppubblikati wara l-iffirmar tagħhom mill-partijiet rilevanti.

Rapport dwar il-frodi tal-kards fl-2020 u l-2021

Fid-19 ta’ Mejju 2023 il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-rapport tal-Eurosistema dwar il-frodi tal-kards fl-2020 u l-2021 u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu. Ir-rapport jippreżenta x-xejriet u l-mudelli ġenerali fil-frodi tal-pagamenti bil-kard matul il-perjodu 2020-21 għal kards maħruġa fiż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro. Jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali lejn l-impatt fuq il-frodi tal-kards tal-miżuri regolatorji u l-pandemija tal-koronavirus (COVID-19). Ir-rapport u l-istqarrija għall-istampa relatata huma disponibbli fis-sit web tal-BĊE.

Opinjonijiet fuq il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar restrizzjoni dwar in-negozjabbiltà ta’ kambjali ta’ skont maħruġin mill-Magyar Nemzeti Bank u l-estensjoni tal-limitu massimu tar-rata tal-imgħax

Fis-26 ta’ April 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/10 mħejjija b’inizjattiva proprja tal-BĊE.

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 575/2013 u (UE) 2017/1131 fir-rigward ta’ skoperturi eċċessivi għal kontropartijiet ċentrali ta’ pajjiżi terzi u tittejjeb l-effiċjenza tas-swieq tal-ikklerjar tal-Unjoni u proposta għal direttiva li temenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2013/36/EU u (UE) 2019/2034 fir-rigward tat-trattament tar-riskju ta’ konċentrazzjoni li jiġi minn kontropartijiet ċentrali u r-riskju tal-kontroparti fuq tranżazzjonijiet ta’ derivattivi kklerjati ċentralment

Fil-26 ta' April 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/11 wara talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-likwidazzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu

Fid-19 ta’ Mejju 2023 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2023/12 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi ta’ Ċipru.

Governanza korporattiva

Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali ta’ Malta

Fl-24 ta’ April 2023 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2023/12 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Gwida tal-BĊE għall-proċeduri ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti

Fit-23 ta’ Mejju 2023, il-BĊE ppubblika l-Gwida tiegħu fuq il-proċeduri ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti flimkien ma’ stqarrija ta’ rispons li tipprovdi ħarsa ġenerali u valutazzjoni tal-kummenti li rċieva matul il-konsultazzjoni pubblika relatata. Id-dokumenti u l-istqarrija għall-istampa relatata huma disponibbli fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja