- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Il-falsifikazzjoni tal-karti tal-euro baqgħet baxxa fl-ewwel sitt xhur tal-2018
27 ta’ Lulju 2018
- 301,000 karta tal-euro falza tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fl-ewwel sitt xhur tal-2018
- Madwar 83% ta' dawk il-karti tal-flus foloz kienu tal-€20 u l-€50
- Il-karti kollha tal-euro jistgħu jiġu ċċekkjati bil-metodu “ħoss, ħares u mejjel”
- Il-karti tal-euro jibqgħu mezz ta’ ħlas fdat u sigur
Madwar 301,000 karta tal-euro falza tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fit-tieni sitt xhur tal-2018, tnaqqis ta' 17.1% imqabbel mat-tieni sitt xhur tal-2017 u 9.1% inqas mill-ewwel sitt xhur tal-2017. Il-probabbiltà li tirċievi karta tal-flus falza hi tassew żgħira ħafna. L-għadd ta' karti tal-flus foloz jibqa' baxx ħafna meta jitqabbel mal-għadd tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni, li minn meta ġew introdotti, baqa' dejjem jiżdied, b'rati li huma iżjed minn dik tat-tkabbir tal-PDG. Fl-2017, pereżempju, l-għadd u l-valur ta' karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni żdiedu b'madwar 5.9% u 4.0% rispettivament. Bħalissa hemm ħafna iżjed minn 21 biljun karta tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, b'valur totali ta' iżjed minn €1.1 triljun.
Hawn taħt jidhru ċ-ċifri għal kull sitt xhur:
Perjodu |
L-ewwel sitt xhur tal-2015 |
It-tieni sitt xhur tal-2015 |
L-ewwel sitt xhur tal-2016 |
It-tieni sitt xhur tal-2016 |
L-ewwel sitt xhur tal-2017 |
It-tieni sitt xhur tal-2017 |
L-ewwel sitt xhur tal-2018 |
Għadd ta’ karti tal-flus foloz |
454,000 |
445,000 |
331,000 |
353,000 |
331,000 |
363,000 |
301,000 |
Analiżi skont id-denominazzjoni:
Denominazzjoni |
€5 |
€10 |
€20 |
€50 |
€100 |
€200 |
€500 |
Analiżi perċentwali |
1.2% |
1.9% |
23.8% |
59.3% |
10.9% |
0.8% |
2.1% |
Matul l-ewwel sitt xhur tal-2018:
- Il-karti tal-€20 u l-€50 baqgħu l-aktar denominazzjonijiet li ġew iffalsifikati. Flimkien, kienu jgħoddu 83% tat-total ta’ karti tal-flus foloz kollha.
- il-biċċa l-kbira tal-karti tal-flus foloz (88.8%) instabet fil-pajjiżi taż-żona tal-euro. Madwar 10.3% instabu fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li mhumiex fiż-żona tal-euro u 0.9% instab f’partijiet oħra tad-dinja.
Iċċekkja l-karti tal-flus tiegħek!
Minn kemm ilha li ħarġet l-ewwel sensiela ta’ karti tal-euro, l-Eurosistema – i.e. il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u d-19-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro – ħeġġet lill-pubbliku joqgħod attent meta jirċievi karti tal-flus. Tista' tiċċekkja l-karti tal-flus tiegħek bil-metodu sempliċi “ħoss, ħares u mejjel” imfisser fit-taqsima “L-€uro” fil-websajt tal-BĊE u l-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali. Jekk tirċievi karta tal-flus li tqajjem suspett, għandek tqabbilha ma’ waħda li tkun taf li hi tajba. Jekk tikkonferma s-suspetti tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-pulizija, jew lill-bank ċentrali ta’ pajjiżek jew lill-bank tiegħek, skont il-prattika nazzjonali. L-Eurosistema tappoġġa lill-aġenziji li jinfurzaw il-liġi fil-ġlieda tagħhom kontra l-falsifikazzjoni.
L-Eurosistema tikkomunika b’diversi modi biex tgħin lin-nies jagħrfu l-karti tal-flus tajbin minn dawk foloz, u biex tgħin lill-kaxxiera professjonali jaċċertaw ruħhom li l-magni li jipproċessaw il-karti tal-flus ikunu kapaċi jidentifikaw b’mod affidabbli l-karti tal-flus foloz u jneħħuhom miċ-ċirkolazzjoni.
L-Eurosistema għandha dmir tissalvagwarda l-integrità tal-karti tal-euro u tkompli ttejjeb it-teknoloġija tal-produzzjoni tal-karti tal-flus. Il-karti tal-flus tas-sensiela Europa huma aktar siguri u jgħinu lill-pubbliku jsaħħaħ il-fiduċja tiegħu fil-munita.
Fl-ewwel sitt xhur tal-2019, l-Eurosistema qed tippjana li toħroġ fl-istess ħin il-karti l-ġodda ta' €100 u €200, li huma l-aħħar żewġ denominazzjonijiet tas-sensiela Europa. L-Eurosistema se tagħmel kampanja ta' informazzjoni biex tgħarraf lill-pubbliku u lill-kaxxiera professjonali dwar l-introduzzjoni ta' dawn il-karti tal-flus ġodda, li t-tnejn għandhom xi karatterisitiċi ta’ sigurtà ġodda. Il-manifatturi tal-apparat li jipproċessa l-karti tal-flus, u fornituri oħra, se jkomplu jsibu l-għajnuna tal-Eurosistema biex jaġġornaw il-magni u t-tagħmir ta’ verifika tagħhom għall-karti tal-flus il-ġodda.
Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Esther Tejedor, tel.: +49 69 1344 95596
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja