Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

17 ta' April 2025

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jnaqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. B’mod partikolari, id-deċiżjoni li titnaqqas ir-rata tal-faċilità tad-depożitu – ir-rata li permezz tagħha l-Kunsill Governattiv jidderieġi l-pożizzjoni tal-politika monetarja – hija bbażata fuq il-valutazzjoni aġġornata tiegħu tal-prospettiva tal-inflazzjoni, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.

Il-proċess ta’ diżinflazzjoni miexi sew kif mistenni. L-inflazzjoni kompliet tiżviluppa kif mistenni mill-persunal, bi tnaqqis f’Marzu kemm tal-inflazzjoni globali kif ukoll dik prinċipali. L-inflazzjoni fis-settur tas-servizzi wkoll battiet b’mod notevoli matul dawn l-aħħar xhur. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-inflazzjoni sottostanti jissuġġerixxu li l-inflazzjoni se tistabbilizza ruħha għal madwar il-mira tal-Kunsill Governattiv ta’ 2 % fuq perjodu ta’ żmien medju fuq bażi sostnuta. Iż-żieda fil-pagi qed timmodera, u l-profitti qegħdin jilqgħu parzjalment għall-impatt fuq l-inflazzjoni taż-żieda fil-pagi li għadha elevata. L-ekonomija taż-żona tal-euro ilha tibni xi reżiljenza kontra l-iskossi globali, iżda l-prospettiva tat-tkabbir marret għall-agħar minħabba tensjonijiet fil-kummerċ li qegħdin jiżdiedu. Iż-żieda fl-inċertezza aktarx li se tnaqqas l-kunfidenza fost l-unitajiet domestiċi u l-kumpaniji, u r-rispons tas-suq avvers u volatili għat-tensjonijiet fil-kummerċ aktarx li jkollu impatt ta’ ssikkar fuq il-kundizzjonijiet tal-finanzjament. Dawn il-fatturi jistgħu jkomplu jkunu ta’ piż akbar fuq il-perspettiva ekonomika għaż-żona tal-euro.

Il-Kunsill Governattiv huwa ddeterminat li jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza b’mod sostenibbli fil-mira tiegħu għal żmien medju ta’ 2 %. B’mod speċjali fil-kundizzjonijiet attwali ta’ inċertezza eċċezzjonali, se jsegwi approċċ ibbażat fuq id-data u laqgħa b’laqgħa sabiex jiddetermina l-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tal-prospettiva tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, id-dinamiċi tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv mhuwiex jimpenja ruħu minn qabel għal xi direzzjoni partikolari għar-rati.

Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jnaqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. Għaldaqstant, ir-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tad-depożitu, l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u l-faċilità tas-self marġinali se jitnaqqsu għal 2.25%, 2.40% u 2.65% rispettivament, b’effett mit-23 ta’ April 2025.

Il-programm ta' xiri ta' assi (APP) u l-programm ta' xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP)

Il-portafolli tal-APP u tal-PEPP qegħdin jonqsu b’ritmu meqjus u prevedibbli, hekk kif l-Eurosistema m’għadhiex tinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw.

***

Il-Kunsill Governattiv jibqa’ lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu biex jiżgura li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira ta’ 2 % fuq żmien medju u li jippreżerva l-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, l-Istrument ta’ Protezzjoni tat-Trażmissjoni huwa disponibbli biex jilqa’ kontra dinamiċi tas-suq mhux ġustifikati u diżordinati li huma ta’ theddida serja għat-trażmissjoni tal-politika monetarja fil-pajjiżi kollha taż-żona tal- euro, biex b’hekk jippermetti lill-Kunsill Governattiv iwettaq b’mod aktar effettiv il-mandat tiegħu ta’ stabbiltà tal-prezzijiet.

Il-President tal-BĊE se tikkummenta dwar il-kunsiderazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda llum fit-14:45.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja