Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Għaliex il-BĊE jagħti pariri dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali?

Minħabba r-rwol tagħna u l-livell għoli ta’ kompetenza tagħna bħala l-bank ċentrali għall-euro, il-leġiżlaturi tal-UE jew dawk nazzjonali jridu jikkonsultawna meta jipproponu liġijiet ġodda li jistgħu jaffettwaw ir-rwol tagħna.

Dan huwa stipulat fit-Trattati li jistabbilixxu l-UE, li jfisser li tali leġiżlazzjoni tiġi adottata biss ladarba l-BĊE jkun ġie kkonsultat dwarha. Il-parir tagħna tipikament jiġi ppreżentat fil-forma ta’ Opinjoni tal-BĊE adottata mill-Kunsill Governattiv.

X’inhi Opinjoni tal-BĊE?

L-Opinjonijiet tal-BĊE mhumiex vinkolanti u huma parti mir-rwol konsultattiv tagħna. Aħna noħorġuhom kull meta l-istituzzjonijiet tal-UE jew l-awtoritajiet nazzjonali jikkonsultawna dwar liġijiet ġodda proposti li jista’ jkollhom impatt fuq il-ħidma tagħna.

Pereżempju, nagħtu Opinjoni jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill tal-UE jkunu qed jaħdmu fuq leġiżlazzjoni ġdida li taffettwa lilna u l-ħidma tagħna, bħas-superviżjoni tal-banek tal-Ewropa jew it-tħaddim u s-sorveljanza tas-sistemi ta’ ħlas.

Nistgħu wkoll nagħtu bidu għal Opinjoni aħna stess jekk jidhrilna li liġi ġdida tista’ tinfluwenza r-rwol tagħna.

Eżempji ta’ Opinjonijiet tal-BĊE

Pereżempju, adottajna Opinjonijiet dwar liġijiet li jimponu limiti fuq l-użu ta’ flus kontanti għal skopijiet ta’ ħasil tal-flus u evażjoni tat-taxxa, fejn nagħtu parir dwar jekk dawn il-liġijiet jinterferixxux mal-istatus tal-flus kontanti bħala valuta legali.

Adottajna wkoll Opinjonijiet dwar il-pjanijiet tal-Istati Membri tal-UE li jimponu imposti ġodda fuq il-profitti tal-banek li jistgħu jinfluwenzaw il-kapaċità tal-banek li jipprovdu kreditu lin-negozji u lin-nies.

Il-BĊE adotta Opinjonijiet dwar firxa wiesgħa ta’ suġġetti, fosthom:

  • governanza ekonomika fl-unjoni ekonomika u monetarja tal-Ewropa

  • rekwiżiti kapitali u ġestjoni tal-kriżijiet għall-banek
  • limitazzjonijiet ta’ flus kontanti
  • sorveljanza ta’ sistemi ta’ ħlas
  • ikklerjar ta’ derivattivi permezz ta’ kontropartijiet ċentrali
  • governanza tal-banek ċentrali nazzjonali
  • kwistjonijiet relatati mal-Fond Monetarju Internazzjonali
  • reġistri ta’ kreditu
  • ristrutturar tal-portafolli tas-self tal-banek
  • taxxi ġodda fuq il-profitti tal-banek

Fejn nista’ nsib l-Opinjonijiet tal-BĊE?

It-trasparenza hija importanti għalina f’dak kollu li nagħmlu. Aħna nippubblikaw l-Opinjonijiet tagħna kemm jista’ jkun malajr wara li jiġu adottati fuq EUR-LEX, u xi kultant ukoll fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u/jew fuq is-sit web tagħna stess.

L-Opinjonijiet dwar leġiżlazzjoni proposta tal-UE huma disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, filwaqt li l-Opinjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida proposta huma ppubblikati bl-Ingliż u bil-lingwa/i nazzjonali rilevanti.

X’inhu l-qafas legali tal-BĊE u x’atti legali oħrajn nistgħu nadottaw?

L-għanijiet u l-kompiti tagħna huma stabbiliti f’dawn li ġejjin:

It-Trattat u l-Istatut jagħtuna s-setgħa regolatorja biex nadottaw tipi differenti ta’ atti legali fil-qasam tal-kompetenza tagħna biex nagħmlu l-ħidma tagħna aktar effettiva. Dawn isaħħu wkoll l-indipendenza tagħna bħala bank ċentrali.

Minbarra l-Opinjonijiet, nistgħu nadottaw ukoll:

  • Regolamenti
  • Deċiżjonijiet
  • Rakkomandazzjonijiet

Dawn l-atti legali jvarjaw f’ħafna aspetti importanti. Uħud minnhom huma “vinkolanti”, li jfisser li jistabbilixxu regoli li għandhom jiġu osservati. Oħrajn huma “mhux vinkolanti” u jipprovdu pariri jew jiċċaraw kwistjoni partikolari. Barra minn hekk, xi wħud jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi ħafna, filwaqt li oħrajn għandhom kamp ta’ applikazzjoni aktar ġenerali, u xi wħud japplikaw għal pajjiżi individwali u oħrajn għaż-żona tal-euro kollha kemm hi.