Il-BĊE jippreżenta l-karta l-ġdida tal-€50
- Il-karta l-ġdida tal-€50 se tibda tiċċirkola fl-4 ta’ April 2017
- Il-€50 hija l-karta tal-euro li tinsab l-iżjed fl-idejn
- Karti tal-flus ġodda siguri jsaħħu l-impenn tal-Eurosistema favur il-flus kontanti
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum ippreżenta għall-ewwel darba l-karta l-ġdida tal-€50, li se toħroġ fl-idejn fl-4 ta’ April 2017. L-introduzzjoni tal-karta l-ġdida hija l-aħħar minn sensiela ta’ passi biex il-karti tal-euro jkunu aktar siguri. Wara l-€5, l-€10 u l-€20, il-karta tal-€50 hija r-raba’ denominazzjoni tat-tieni sensiela ta’ karti tal-euro, magħrufa bħala s-sensiela Europa.
“Bl-introduzzjoni tal-€50 ġdida, il-munita tagħna se tkun iżjed sigura,” qal Yves Mersch, membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE. “Il-karatteristiċi ta’ sigurtà moderni u aġġornati li għandha jgħinu biex flusna jkunu mħarsin. Dan imur mal-isforzi kontinwi tagħna biex l-euro jibqa’ munita stabbli li jum wara l-ieħor tgawdi l-fiduċja ta’ 338 miljun ruħ fiż-żona tal-euro. Id-dħul gradwali tal-karti l-ġodda tal-euro, b’karatteristiċi ġodda u innovattivi, isaħħaħ ukoll l-impenn tal-Eurosistema favur il-flus kontanti bħala mezz fdat u effiċjenti ta’ ħlas.”
Il-€50 hija l-karta tal-euro li tintuża l-iżjed u tgħodd 45% tal-karti kollha tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni. Hemm iżjed karti tal-€50 fl-idejn milli karti tal-€5, €10 u €20 flimkien. L-għadd tal-karti tal-€50 fiċ-ċirkolazzjoni huwa wkoll kważi daqs l-għadd totali tad-denominazzjonijiet kollha fiċ-ċirkolazzjoni fi tmiem l-2002, is-sena meta l-karti u l-muniti tal-euro ħarġu fl-idejn.
Il-karta l-ġdida tal-€50 fiha “tieqa bil-wiċċ” – karatteristika ġdida u innovattiva li ntużat għall-ewwel darba fil-karta tal-€20 tas-sensiela Europa. Meta żżomm il-karta tal-flus kontra d-dawl, f’tieqa trasparenti fin-naħa ta’ fuq tal-ologramma tfiġġ xbieha ta’ wiċċ Europa, figura tal-mitoloġija Griega, li tidher miż-żewġ naħat tal-karta. L-istess xbieha tidher ukoll fil-watermark. Fuq in-naħa ta’ quddiem tal-karta tal-flus hemm “numru aħdar żmerald”, numru jleqq li meta tmejjel il-karta jibdel il-kulur minn aħdar żmerald għal blu skur u juri effett tad-dawl li jidher miexi ’l fuq u ’l isfel. Permezz tal-metodu “ħoss, ħares u mejjel” malajr tista’ tiċċekkja jekk il-karta l-ġdida tal-€50 tkunx awtentika, bis-saħħa ta’ dawn il-karatteristiċi ta’ sigurtà.
Sabiex tiżgura li l-apparat li jipproċessa u jivverifika l-karti tal-flus ikun lest u aġġornat fil-ħin għall-karta l-ġdida tal-€50 fiż-żona tal-euro kollha, l-Eurosistema introduċiet programm ta’ sħubija. Dan jiġbor fih iżjed minn 500 fost is-sħab industrijali fl-Ewropa kollha u jipprovdi firxa wiesgħa ta’ għodod edukattivi u riżorsi oħra li għandhom x’jaqsmu mal-karta tal-flus il-ġdida. Fil-15 ta’ Ġunju 2016, iżjed minn 50 minn dawn is-sħab industrijali ffirmaw ukoll memorandum ta’ qbil fuq l-aġġornament tal-apparat tal-karti tal-flus għall-karta l-ġdida tal-€50, biex itennu l-impenn tagħhom li jiżguraw li l-karta l-ġdida tidħol fiċ-ċirkolazzjoni bla xkiel.
Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, il-persuna ta’ kuntatt hija Eva Taylor (+49 69 1344 7162).
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja