Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

27 ta' Ottubru 2022

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’75 punt bażi. B'din it-tielet żieda konsekuttiva ewlenija fir-rata tal-politika, il-Kunsill Governattiv għamel progress sostanzjali fl-irtirar tal-akkomodament tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni tal-lum, u jistenna li jgħolli aktar ir-rati tal-imgħax, biex jiżgura r-ritorn f’waqtu tal-inflazzjoni għall-mira tiegħu ta’ inflazzjoni ta’ 2% fuq terminu medju. Il-Kunsill Governattiv se jibbaża t-triq tar-rata tal-politika futura fuq il-prospetti li qed jevolvu għall-inflazzjoni u l-ekonomija, wara l-approċċ tiegħu ta’ laqgħa b'laqgħa.

L-inflazzjoni għadha għolja wisq u se tibqa’ ’l fuq mill-mira għal perijodu estiż. F’Settembru, l-inflazzjoni taż-żona tal-euro laħqet id-9.9%. F’dawn l-aħħar xhur, iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel, il-konġestjonijiet fil-provvista u l-irkupru tad-domanda wara l-pandemija wasslu għal twessigħ tal-pressjonijiet tal-prezzijiet u żieda fl-inflazzjoni. Il-politika monetarja tal-Kunsill Governattiv hija mmirata biex tnaqqas l-appoġġ għad-domanda u tħares kontra r-riskju ta’ bidla persistenti ’l fuq fl-aspettattivi tal-inflazzjoni.

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jibdel it-termini u l-kundizzjonijiet tat-tielet sensiela tal-operazzjonijiet mmirati ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTRO III). Matul il-fażi akuta tal-pandemija, dan l-istrument kellu rwol ewlieni fil-ġlieda kontra r-riskji negattivi għall-istabbiltà tal-prezzijiet. Illum, fid-dawl taż-żieda mhux mistennija u straordinarja fl-inflazzjoni, jeħtieġ li jiġi kkalibrat mill-ġdid biex jiġi żgurat li jkun konsistenti mal-proċess usa’ ta’ normalizzazzjoni tal-politika monetarja u biex tissaħħaħ it-trażmissjoni taż-żidiet tar-rati tal-politika lil kundizzjonijiet tas-self bankarju. Il-Kunsill Governattiv għalhekk iddeċieda li jaġġusta r-rati tal-imgħax applikabbli għat-TLTRO III mit-23 ta’ Novembru 2022 u li joffri lill-banek dati addizzjonali ta’ ħlas lura kmieni volontarju.

Fl-aħħar nett, sabiex ir-rimunerazzjoni tar-riżervi minimi miżmuma mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu tiġi allinjata aktar mill-qrib mal-kundizzjonijiet tas-suq monetarju, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jistabbilixxi r-remunerazzjoni tar-riżervi minimi bir-rata tal-faċilità ta’ depożitu tal-BĊE.

Id-dettalji tal-bidliet fit-termini u l-kundizzjonijiet TLTRO III huma deskritti fi stqarrija għall-istampa separata li għandha tiġi ppubblikata fil-15:45 CET. Stqarrija teknika oħra għall-istampa, li tagħti dettalji dwar il-bidla fir-remunerazzjoni tar-riżervi minimi, se tiġi ppubblikata wkoll fil-15:45 CET.

Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’75 punt bażi. Għaldaqstant, ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali u l-faċilità ta’ depożitu se jiżdiedu għal 2.00 %, 2.25 % u 1.50 % rispettivament, b’effett mit-2 ta’ Novembru 2022.

Programm ta’ xiri ta’ assi (APP) u l-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP)

Il-Kunsill Governattiv biħsiebu jibqa’ jinvesti mill-ġdid, kollha kemm huma, il-ħlasijiet ewlenin minn titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw taħt l-APP għal perijodu estiż ta' żmien lil hinn mid-data meta beda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE u, fi kwalunkwe każ, sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta’ likwidità wesgħin u pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa.

Fir-rigward tal-PEPP, il-Kunsill Governattiv fiħsiebu jinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-anqas l-aħħar tal-2024. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.

Il-Kunsill Governattiv ser ikompli japplika flessibbiltà fl-investiment mill-ġdid ta’ tifdijiet li se jkunu dovuti fil-portafoll tal-PEPP, bil-ħsieb li jiġu miġġielda r-riskji għall-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni lill-politika monetarja relatati mal-pandemija

Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jaġġusta r-rati tal-imgħax applikabbli għat-TLTRO III. Mit-23 ta’ Novembru 2022 sad-data tal-maturità jew id-data tal-ħlas lura kmieni ta’ kull operazzjoni TLTRO III pendenti rispettiva, ir-rata tal-imgħax fuq operazzjonijiet TLTRO III se tkun indiċjata mar-rati tal-imgħax ewlenin applikabbli medji tal-BĊE matul dan il-perjodu. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li joffri lill-banek dati addizzjonali ta' ħlas lura kmieni volontarju. Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill Governattiv se jivvaluta regolarment kif l-operazzjonijiet ta’ self immirat qed jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu.

***

Il-Kunsill Governattivi lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fil-mandat tiegħu biex jiġi żgurat li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tiegħu 2% fuq żmien medju. L-Istrument għall-Protezzjoni tat-Trażmissjoni huwa disponibbli biex jiġġieled dinamiċi mhux iġġustifikati u diżordinati tas-suq li joħolqu theddida serja għat-trażmissjoni tal-politika monetarja fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, u b’hekk jippermetti lill-Kunsill Governattiv iwettaq b'mod aktar effettiv il-mandat tiegħu ta’ stabbiltà tal-prezzijiet.

Il-President tal-BĊE se tagħti l-fehmiet tagħha fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fit-14:45 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja