Mistoqsijiet frekwenti dwar id-disinn mill-ġdid tal-karti tal-flus tal-euro
Aġġornat fit-18 ta’ Awwissu 2025
M1 Għaliex għandna bżonn ta’ karti tal-flus ġodda?
Il-banek ċentrali kollha regolarment itejbu l-karti tal-flus tagħhom jew jiżviluppaw oħrajn ġodda biex jagħmlu l-iffalsifikar aktar diffiċli. L-ewwel serje ta’ karti tal-flus tal-euro ddaħħlet aktar minn 20 sena ilu u t-tieni serje bdiet tidħol fiċ-ċirkolazzjoni fl-2013. Issa ninsabu fil-proċess li niżviluppaw il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ karti tal-flus tal-euro. Din hija opportunità biex il-karti tal-flus isiru wkoll aktar attraenti, relatabbli u inklużivi għall-Ewropej kollha, inklużi persuni b’vista batuta.
Irridu wkoll li l-karti tal-flus tal-euro jkunu kemm jista’ jkun sostenibbli u jibżgħu għall-ambjent, u għalhekk qed inħarsu lejn opportunitajiet biex innaqqsu l-impatt ambjentali tagħhom.
M2 Għaliex għandna bżonn ta’ disinn ġdid għall-karti tal-flus?
Il-karti tal-flus tal-euro huma simbolu viżibbli u tanġibbli tal-integrazzjoni Ewropea u hija r-responsabbiltà tagħna li nżommuhom aġġornati. Aktar minn 20 sena wara l-introduzzjoni tal-ewwel karti tal-euro, issa qegħdin nirrieżaminaw id-disinn tagħhom bħala parti mill-proċess tal-iżvilupp regolari. B’mod konformi mal-istrateġija tal-Eurosistema dwar il-flus kontanti, nimmiraw li niżviluppaw karti tal-flus tal-euro attraenti li l-Ewropej jistgħu jidentifikaw magħhom.
Q3 Għaliex issa? Dan huwa ż-żmien it-tajjeb biex tiġi żviluppata serje ġdida ta’ karti tal-flus?
Iridu jgħaddu bosta snin biex jiġu żviluppati u prodotti karti tal-flus ġodda u biex dawn jiddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni fiż-żona tal-euro kollha. Il-karti tal-flus ġodda normalment jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni kull għaxar snin sa ħmistax-il sena biex itejbu s-sigurtà u r-reżistenza u jibqgħu aktar avvanzati mill-falsifikaturi. Huwa importanti li l-proċess jinbeda kmieni biżżejjed biex inkunu lesti ladarba tittieħed deċiżjoni biex titnieda serje ġdida.
M4 Kif jaħdem il-proċess tad-disinn mill-ġdid tal-karti tal-flus il-ġodda?
Id-disinn mill-ġdid tal-karti tal-flus tal-euro jikkonsisti f’żewġ fażijiet konsekuttivi:
- L-għażla ta’ temi u motifi futuri għall-karti tal-flus tal-euro.
- Aħna kkummissjonajna studju biex nikkonsultaw lill-Ewropej fi gruppi fokus dwar il-fehmiet tagħhom dwar temi futuri possibbli. Ir-riżultati servew bħala input għall-passi sussegwenti.
- Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE għażel seba’ temi, inklużi sitt proposti mill-Grupp Konsultattiv dwar it-Tema (grupp ta’ esperti nnominat mill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro u maħtur mill-BĊE).
- L-Ewropej ingħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom fuq is-seba’ temi magħżula fi stħarriġ li sar minn kumpanija tar-riċerka esterna fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro kif ukoll fi stħarriġ online li sar mill-BĊE.
- Mil-lista l-qasira, il-Kunsill Governattiv għażel żewġ temi possibbli għall-karti tal-flus futuri, wara li kkunsidra r-riżultati tal-istħarriġ.
- Imbagħad, il-Kunsill Governattiv għażel motifi biex juri t-temi possibbli mill-proposti żviluppati mill-Grupp Konsultattiv dwar il-Motifi (grupp ta’ esperti stabbilit mill-BĊE).
- L-iżvilupp ta’ disinji ġodda għall-karti tal-flus tal-euro
- Tnieda konkors tad-disinn, miftuħ għad-disinjaturi grafiċi kollha li jgħixu fl-Unjoni Ewropea. Sa 40 disinjatur magħżula se jissottomettu l-proposti tad-disinn tagħhom, u l-Ġurija tal-Konkors tad-Disinn se tagħżel sa għaxra mill-aħjar disinji (ħamsa għal kull tema).
- L-Ewropej se jingħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-proposti ta’ disinn fl-2026.
- Il-Kunsill Governattiv huwa mistenni jiddeċiedi dwar id-disinni l-ġodda tard fl-2026.
Għal aktar informazzjoni agħti ħarsa lejn il-paġna web tal-proċess tad-disinn mill-ġdid.
M5 Għaliex għażiltu “Kultura Ewropea” u “Xmajjar u għasafar” bħala t-temi possibbli għall-karti tal-flus futuri?
Qegħdin nisimgħu l-fehmiet tal-pubbliku Ewropew matul il-proċess tat-tfassil mill-ġdid. It-temi ntgħażlu abbażi tas-sejbiet tal-istħarriġiet pubbliċi (ara l-Mistoqsija 11) u bl-għajnuna ta’ grupp konsultattiv indipendenti.
Ir-riżultati tal-istħarriġ tagħna wrew appoġġ qawwi għat-temi ta’ “Kultura Ewropea”, “Ix-xmajjar: l-ilmijiet tal-ħajja fl-Ewropa" u “L-għasafar: ħielsa, reżiljenti, ta’ ispirazzjoni”. Sabiex jirrifletti l-preferenzi tal-pubbliku b’mod kemm jista’ jkun wiesa’, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jikkombina t-temi relatati man-natura u mal-ambjent f’tema waħda, “Xmajjar u Għasafar”. Għalhekk se mmexxu biż-żewġ temi: “Kultura Ewropea” u “Xmajjar u Għasafar”.
M6 Kif iddeċidejtu dwar il-motifi għall-karti tal-flus futuri?
Fl-2024, il-BĊE qabbad lil grupp ta’ esperti indipendenti, il-Grupp Konsultattiv dwar il-Motifi, biex jipproponi motifi li juru bl-aħjar mod it-temi magħżula. Il-membri tal-Grupp huma esperti fuq suġġetti varji relatati maż-żewġ temi. Fil-bidu tal-2025, abbażi tal-parir tal-Grupp u d-deliberazzjonijiet personali tiegħu, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jinkludi ż-żewġ temi magħżula u sett ta’ motifi għal kull wieħed minnhom fil-konkors tad-disinn.
M7 X’inhi l-iskeda ta’ żmien għall-konkors tad-disinn?
Il-konkors tad-disinn jinkludi żewġ fażijiet.
- Id-disinjaturi grafiċi ġew mistiedna jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom bejn il-15 ta’ Lulju u t-18 ta’ Awwissu 2025. L-applikanti kollha se jiġu nnotifikati dwar l-eżitu ladarba jitlesta l-proċess ta’ valutazzjoni. L-għan huwa li jintgħażlu sa 40 disinjatur (20 għal kull tema).
- Id-disinjaturi magħżula mbagħad ikollhom sal-aħħar ta’ Marzu 2026 biex jissottomettu l-proposti tad-disinn tagħhom għall-valutazzjoni mill-Ġurija tal-Konkors tad-Disinn. Il-konkors se jikkonkludi bl-għażla mill-Ġurija tal-Konkors tad-Disinn ta’ massimu ta’ għaxar disinni (ħamsa għal kull tema).
Nistennew li l-konkors tad-disinn jintemm f’Ġunju 2026. Il-Kunsill Governattiv huwa mistenni li jieħu d-deċiżjoni finali fuq id-disinni sa tmiem l-2026, wara stħarriġ pubbliku.
M8 Min jista’ jipparteċipa fil-konkors tad-disinn u kif?
Il-konkors tad-disinn kien miftuħ għal disinjaturi grafiċi residenti fl-Unjoni Ewropea li ssodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà.
M9 Kif intgħażlu l-membri tal-gruppi ta’ esperti differenti?
Biex jgħinu fil-fażijiet varji tal-proċess ta’ disinn mill-ġdid, ġew stabbiliti tliet gruppi ta’ esperti indipendenti: il-Grupp Konsultattiv dwar it-Temi, il-Grupp Konsultattiv dwar il-Motifi u l-Ġurija tal-Konkors tad-Disinn. Dawn il-gruppi jikkonsistu minn speċjalisti minn madwar l-Ewropa, li jirrappreżentaw oqsma diversi bħad-disinn, l-istorja, il-litteratura, ix-xjenza, l-arti u l-akkademja, u jiżguraw firxa wiesgħa ta’ ħila u perspettivi. L-esperti ġew innominati mill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro u maħtura mill-BĊE.
Q10 Meta se jkollna karti tal-flus b’disinn ġdid fil-bwiet tagħna?
Wara li jintgħażlu d-disinji għall-karti tal-flus tal-euro futuri, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jiddeċiedi meta jipproduċi u joħroġ il-karti tal-flus il-ġodda. Se jgħaddu bosta snin biex l-ewwel karti tal-flus jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni u jispiċċaw fil-bwiet tagħna.
Id-denominazzjonijiet differenti tas-serje attwali tal-karti tal-flus tal-euro ġew introdotti gradwalment fuq meda ta’ snin. S’issa għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar meta u kif il-karti tal-flus tal-euro futuri se jiddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni.
M11 X’inhu r-rwol tal-pubbliku fil-proċess tat-tfassil mill-ġdid?
Kull min jgħix fiż-żona tal-euro jista’ jieħu sehem fl-istħarriġ pubbliku tagħna. Huwa importanti ħafna għalina li d-deċiżjonijiet meħuda matul il-proċess jirriflettu l-opinjonijiet ta’ firxa wiesgħa ta’ Ewropej.
Bdejna l-proċess bi stħarriġ kwalitattiv li sar fiż-żona tal-euro biex nifhmu l-opinjonijiet tan-nies dwar it-tema tal-karti tal-flus tal-euro futuri. Imbagħad, fis-sajf tal-2023, stedinna lill-pubbliku biex jieħu sehem fi stħarriġ online dwar temi possibbli. B’mod parallel, ikkummissjonajna kumpanija tar-riċerka esterna biex twettaq stħarriġ simili bl-għan li tiġi żgurata l-aħjar rappreżentanza possibbli tal-popolazzjoni taż-żona tal-euro.
Wara l-għażla tal-motifi u l-konkors tad-disinn, se nevalwaw il-preferenzi tal-pubbliku fuq lista qasira ta’ disinji possibbli. Dan huwa mistenni li jsir fl-2026.
M12 Il-materjali jew id-daqs tal-karti tal-flus futuri se jinbidlu fil-proċess tad-disinn mill-ġdid u se jidhru denominazzjonijiet ġodda?
Il-karti tal-flus tal-euro attwali huma stampati fuq karta tal-fibra tal-qoton, li tagħtihom is-sodezza speċjali tagħhom u r-reżistenza għall-kedd. Qegħdin nesploraw kontinwament modi kif intejbu ċ-ċiklu tal-ħajja tal-karti tal-flus tagħna u nnaqqsu l-impronta ambjentali tagħhom.
Għandna l-intenzjoni li jkollna l-istess denominazzjonijiet bħas-serje attwali (€5, €10, €20, €50, €100 u €200). Biex niffaċilitaw il-bidla u nillimitaw l-ispejjeż tal-adattament tal-magni li jimmaniġġaw il-karta tal-flus, id-daqsijiet u l-kuluri dominanti huma mistennija wkoll li jibqgħu l-istess.
M13 Min se jiddeċiedi dwar it-tema u d-disinji finali?
Id-deċiżjoni finali se tittieħed mill-Kunsill Governattiv, abbażi tal-fehmiet tal-pubbliku Ewropew u l-kontribut tal-gruppi ta’ esperti. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv sejrin jitħabbru fuq il-websajt tal-BĊE.
M14 Gruppi vulnerabbli se jiġu kkonsultati matul il-proċess ta’ tfassil mill-ġdid (eż. persuni b’vista batuta)?
Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro huma f’kuntatt regolari ma’ diversi gruppi ta’ partijiet interessati. Pereżempju, matul l-iżvilupp tas-serje tal-karti tal-flus tal-euro eżistenti, kellna konsultazzjonijiet regolari mal-Unjoni Ewropea tal-Għomja. Minn dak iż-żmien, dawn il-konsultazzjonijiet komplew u sejrin ikomplu tul il-proċess ta’ disinn mill-ġdid kollu.