Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Lulju 2025

25 ta’ Lulju 2025

Il-politika monetarja

Aġġornament tal-istrateġija tal-politika monetarja

Fil-25 ta’ Ġunju 2025, il-Kunsill Governattiv approva r-riżultati tal-valutazzjoni tal-istrateġija tal-politika monetarja tal-2025 tiegħu, li segwiet ir-rieżami strateġiku li sar fl-2020-21. Ir-riżultat ta’ din il-valutazzjoni huwa mogħti fil-qosor fi stqarrija għall-istampa disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE flimkien mad-dikjarazzjoni dwar l-istrateġija tal-politika monetarja aġġornata u n-nota ta’ ħarsa ġenerali aġġornata, kif ukoll id-dokumentazzjoni bażi rilaxxata fil-forma ta’ żewġ dokumenti okkażjonali tal-BĊE. Fit-30 ta’ Ġunju 2025, saret konferenza stampa f’Sintra mill-President tal-BĊE, Christine Lagarde, u mill-Kap Ekonomista tal-BĊE, Philip Lane, li fiha ġie spjegat ir-riżultat ta’ dan l-aġġornament fl-okkażjoni tal-Forum tal- BĊE dwar il-Banek Ċentrali.

Operazzjonijiet tas-suq

Posponiment tal-implimentazzjoni tal-kriterju ta’ eliġibbiltà relatat mad-Direttiva dwar ir-Rapportar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (CSRD) fil-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema

Fis-17 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jipposponi l-implimentazzjoni tar-rekwiżit li jkun hemm konformità mas-CSRD tal-UE bħala kriterju ta’ eleġibbiltà fil-qafas tal-kollateral tal-Eurosistema għall-kollateral kollu minn emittenti u minn debituri korporattivi fi ħdan l-ambitu tas-CSRD. Din id-deciżjoni hija r-riżultat tat-traspożizzjoni inkompleta tas-CSRD mill-iskadenza inizjali ta’ Lulju 2024 u d-diskussjonijiet li għaddejin madwar ir-rieżami tal-kontenut sostantiv tiegħu fil-kuntest tal-pakkett ta’ simplifikazzjoni tal-Omnibus tal-Kummissjoni Ewropea, li t-tnejn li huma jagħmlu implimentazzjoni fil-ħin u b’mod ordnat tal-kriterju ta’ eleġibbiltà relatat mas-CSRD waħda mhux probabbli fil-futur qarib ħafna. Skadenza ġdida għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit sejra tiġi kkomunikata meta jkun dovut.

Sospensjoni tal-pubblikazzjoni tat-tbassir tal-fattur awtonomu

Fit-18 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv approva bidliet fil-proċess għall-preparazzjoni u għall-pubblikazzjoni tat-tbassir tal-fattur awtonomu. B’mod partikolari, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jissospendi l-pubblikazzjoni tat-tbassir tal-fattur awtonomu fil-jiem tat-tħabbir tal-operazzjoni ewlenija ta’ rifinanzjament sa avviż ulterjuri. Din il-bidla, li għandha l-għan li ttejjeb l-effiċjenza operazzjonali billi twarrab proċeduri obsoleti, sejra tapplika mit-28 ta’ Lulju 2025.

Il-politika makroprudenzjali u l-istabbiltà finanzjarja

Dikjarazzjoni tal-Kunsill Governattiv dwar politiki makroprudenzjali

Fl-4 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv approva dikjarazzjoni, ippubblikata sussegwentement fuq is-sit web tal-BĊE, wara laqgħa tal-Forum Makroprudenzjali fil-25 ta’ Ġunju 2025. F’dan l-isfond ta’ riskji għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro, li żdiedu mis-sena li għaddiet minħabba żieda qawwija fl-inċertezza ġeopolitika globali, id-dikjarazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet nazzjonali jżommu r-reżiljenza kurrenti tas-sistema bankarja u li l-politika makroprudenzjali tibqa’ aġli u tadatta għal kundizzjonijiet li jinbidlu skont il-bżonn; fil-frattemp, dawk li jfasslu l-politika jkomplu jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni.

Pagamenti u Infrastrutturi tas-Suq

Rapport Annwali tat-TARGET għall-2024

Fis-26 ta’ Ġunju 2025, il-Kunsill Governattiv ħa nota tar-Rapport Annwali TARGET 2024. Ir-rapport jipprovdi informazzjoni fuq it-traffiku u fuq il-prestazzjoni tas-sistema, u l-iżviluppi ewlenin li seħħew fl-2024 kemm fir-rigward tat-TARGET2 kif ukoll tat-T2, li kienet l-ewwel sena sħiħa ta’ operat tas-Servizzi TARGET konsolidati. Jinkludi wkoll seba’ kaxex fuq suġġetti ta’ rilevanza partikolari fl-2024, inkluż l-aċċess tal-fornituri tas-servizz tal-pagamenti mhux bankarji għal Servizzi TARGET, l-aġġustamenti magħmula għall-qafas ta’ rapportar statistiku T2, ix-xogħol preparatorju dwar it-tqassir taċ-ċiklu ta’ saldu għal T+1 fl-UE, is-Servizzi TARGET u l-protezzjoni tad-data, il-kapaċità ta’ muniti multipli ta’ T2 u TIPS, l-interkonnessjoni ta’ TIPS ma’ sistemi ta’ pagament instantanju oħrajn, u x-xogħol esploratorju tal-Eurosistema dwar teknoloġiji ġodda għal flus tal-bank ċentrali bl-ingrossa. Ir-rapport huwa disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.

Status tal-pjan ta’ azzjoni biex jindirizza l-inċidenti tas-Servizzi TARGET tal-2020

Fis-26 ta’ Ġunju 2025, il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-istatus l-aktar reċenti tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni biex jiġu indirizzati l-konstatazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rieżami indipendenti wara inċidenti tas-Servizzi TARGET fl-2020. Il-partijiet ikkonċernati ewlenin ġew informati direttament bil-progress magħmul fil-kuntest tal-laqgħat regolari tagħhom mal-BĊE. Meta wieħed iqis il-progress magħmul (b’azzjoni waħda biss li għad trid tiġi implimentata mill-155 azzjoni rrakkomandata) u l-fatt li l-Kumitat tal- Awdituri Interni tal-Eurosistema/SEBĊ se jimmonitorja x-xogħol magħmul biex tiġi indirizzata r-rakkomandazzjoni li jibqa’, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li dan ir-rapportar annwali ma kienx meħtieġ aktar.

Abbozzar mill-ġdid tar-Regolament tal-BĊE dwar ir-rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti

Fit-2 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-abbozz mill-ġdid tar-Regolament BĊE/2025/22 dwar ir-rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti (“ir-Regolament SIPS”) u approva l-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rispons li tagħti fil-qosor it-tibdiliet ewlenin introdotti fir-Regolament SIPS wara l-kummenti li waslu matul il-konsultazzjoni pubblika relatata u jiċċara, fejn hemm bżonn, kwistjonijiet potenzjali fl-interpretazzjoni.

Rendikonti finanzjarji tat-Titoli (T2S) ta’ TARGET2

Fis-17 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv approva l-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji T2S għall-2024 u ħa nota tal-opinjoni ta’ verifika esterna relatata. Il-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-rapporti tissodisfa obbligu taħt il-Ftehim ta’ Qafas T2S u hija maħsuba biex tgħarraf lill-klijenti u lill-partijiet interessati ta’ T2S, kif ukoll lill-pubbliku inġenerali, dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tat-T2S. Id-dokumenti huma disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE.

Għażla ta’ fornituri għall-proġett tal-euro diġitali

Fit-23 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv approva l-għażla tal-fornituri għall-komponenti u servizzi ipprovduti internament relatati tal-pjattaforma tas-servizz tal-euro diġitali (DESP, digital euro service platform), f’konformità mal-miri definiti għall-fażi ta’ preparazzjoni tal-proġett tal-euro diġitali. Informazzjoni aktar dettaljata dwar il-proġett tal-euro diġitali hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-BĊE. Ir-rapport dwar il-progress ġie ppubblikat ukoll fis-16 ta’ Lulju 2025 flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata.

Parir dwar il-leġiżlazzjoni

Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward tal-introduzzjoni tal-euro fil-Bulgarija u dwar proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2866/98 fir-rigward tar-rata ta’ konverżjoni tal-euro għall-Bulgarija

Fit-2 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/15 fuq talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Opinjoni tal-BĊE dwar il-proporzjon tar-riżerva meħtieġ tal-Magyar Nemzeti Bank

Fl-14 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/16 fuq talba tal-Magyar Nemzeti Bank.

Opinjoni tal-BĊE dwar it-tneħħija ta’ ċerti tariffi relatati ma’ kontijiet tal-ħlas u ġbid ta’ flus kontanti

Fl-14 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/17 imħejjija fuq inizjattiva proprja tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Ħatra tal-President u tal-President interim tal-Kumitat għall-Infrastruttura u l-Ħlasijiet tas-Suq (MIPC)

Fit-23 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv ħatar lil Thomas Vlassopoulos (Direttur Ġenerali li jmiss tal-Pagamenti u Infrastrutturi tas-Suq) bħala President tal-MIPC mill-1 ta’ Settembru 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2025, meta l-presidenti kollha tal-kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ se jinħatru (mill-ġdid) għall-perjodu ta’ tliet snin li jmiss, minn Jannar 2026 sa Diċembru 2028. Għall-perjodu interim mit-23 ta’ Lulju sal-31 ta’ Awwissu 2025, il-Kunsill Governattiv ħatar lil Fiona van Echelpoel, Viċi Direttur Ġenerali tal-BĊE għall-Pagamenti u Infrastrutturi tas-Suq, bħala Presidnet interim tal-MIPC.

Ħatra tal-President u tal-President interim tal-Bord tal-Infrastrutturi tas-Suq (MIB)

Fit-23 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv ħatar lil Thomas Vlassopoulos, Direttur Ġenerali u Infrastrutturi tas-Suq tal-BĊE li jmiss, bħala President tal-MIB mill-1 ta’ Settembru 2025 sal-31 ta’ Mejju 2026, f’liema punt, il-Kunsill Governattiv sejjer jiddeċiedi fuq il-kompożizzjoni tal-MIB għall-perijodu ta’ tliet snin li jmiss. Għall-perjodu interim mit-23 ta’ Lulju sal-31 ta’ Awwissu 2025, il-Kunsill Governattiv ħatar lil Dimitri Pattyn, Viċi Direttur Ġenerali tal-BĊE għall-Pagamenti u Infrastrutturi tas-Suq, bħala President interim tal-MIB.

Chairperson tal-Kumitat tal-Verifika tal-BĊE

Fit-23 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv ħa nota li Olli Rehn, Gvernatur ta’ Suomen Pankki – Finlands Bank u membru tal-Kumitat tal-Verifika tal-BĊE minn Jannar 2025, assuma l-kariga ta’ President tal-Kumitat tal-Verifika minn Lulju 2025. F’dan ir-rwol, is-Sur Rehn se jieħu post Klass Knot, eks Gvernatur ta’ De Nederlandsche Bank, li l-mandat tiegħu ntemm fl-1 ta’ Lulju 2025.

Parteċipazzjoni ta’ Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru) fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv qabel l-1 ta’ Jannar 2026

Wara l-approvazzjoni formali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-adeżjoni tal-Bulgarija fiż-żona tal-euro, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jistieden lill-Gvernatur ta’ Българска народна банка (Bank Nazzjonali Bulgaru, BNB) biex jattendi l-laqgħat tal-Kunsill Governattiv f’kapaċità ta’ osservatur qabel l-adozzjoni tal-euro mill-pajjiż fl-1 ta’ Jannar 2026. Minn Settembru 2025, l-esperti ta’ BNB se jkunu mistiedna wkoll biex jattendu, bħala osservaturi, għal-laqgħat tal-Kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ u s-sottostrutturi tagħhom kull meta jiltaqgħu fil-kompożizzjoni tal-Eurosistema.

Kooperazzjoni internazzjonali u Ewropea

Kont għall-Kummissjoni Ewropea biex iżżomm profitti straordinarji relatati ma’ sanzjonijet dwar assi Russi ffriżati taħt il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni fuq Self tal-Ukrajna

Fis-16 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2025/23 li temenda id-Deċiżjoni (UE) 2019/1743 dwar ir-remunerazzjoni ta’ holdings ta’ eċċess ta’ riżervi u ta’ ċerti depożiti (BĊE/2019/31) u d-Deċiżjoni (UE) 2024/1209 dwar ir-remunerazzjoni ta’ ċerti depożiti ta’ politika mhux monetarja miżmuma ma’ banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2024/11). Id-Deċiżjoni emendatorja toperazzjonalizza l-ftehim mill-BĊE sabiex jiftaħ kont għall-Kummissjoni Ewropea għall-għanijiet li tirċievi, iżżomm u tagħmel trasferimenti ta’ ammonti allokati lill-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna, li l-għan tiegħu huwa li jgħin lill-Ukrajna tkopri l-ħtiġijiet finanzjarji tagħha. 

Karti tal-flus u muniti

Proċess tal-konkors ta’ disinn għall-karti tal-flus futuri tal-euro

Fit-8 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-istatus tal-proċess għall-konkors tad-disinn u għall-istabbiliment tal-ġurija tal-konkors tad-disinn għas-serje futura tal-karti tal-flus tal-euro. Il-konkors tad-disinn se jippermetti lill-Kunsill Governattiv jagħżel disinn għall-karti tal-flus tal-euro futuri u se jkun ibbażat fuq il-prinċipji ġenerali ta’ kompetizzjoni pubblika, trasparenti u mhux diskriminatorja. Il-proċedura ġiet uppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fil-15 ta’ Lulju 2025. Il-ġurija, li hija magħmula minn esperti indipendenti, se tħejji lista qasira ta’ disinnji biex tappoġġa l-għażla mill-Kunsill Governattiv. Stqarrija għall-istampa relatata tinsab ukoll fis-sit web tal-BĊE.

Superviżjoni Bankarja tal-BĊE

Memorandum ta Ftehim (MoU) mal-Awtorità ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus

Fis-27 ta’ Ġunju 2025, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju li japprova MoU dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-BĊE u l-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (AMLA). L-MoU huwa disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata.

Ittestjar tal-penetrazzjoni bbażat fuq it-theddid (TLPT) taħt l-Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali

Fis-27 ta’ Ġunju 2025, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jiġu identifikati entitajiet taħt superviżjoni speċifika u, fejn meqjus xieraq, is-sussidjarji tagħhom li huma meħtieġa jwettqu TLPT skont ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju (DORA). TLPT huwa definit f’DORA bħala għodda li timita t-tattika, it-tekniki u l-proċeduri ta’ atturi ta’ theddid f’ħin reali meqjusin bħala li joħolqu theddida ċibernetika ġenwina u jagħti test ikkontrollat, magħmul speċifikament, immexxi mill-intelliġenza (tim aħmar) tas-sistemi kritiċi ta’ produzzjoni live tal-entità finanzjarja. Il-BĊE sejjer jinforma lill-entitajiet taħt superviżjoni identifikati (u sussidjarji, jekk ikun hemm), b’ittra.

Qafas għal kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet skont ir-Regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi

Fl-1 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord ta Sorveljanza dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni superviżorja kunfidenzjali lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont ir-Regolament (UE) 2023/1114 dwar is-Swieq fil-Kriptoassi (MiCAR). Minħabba s-set-ups organizzazzjonali differenti fost Stati Membri differenti, il-qafas jikkjarifika kif is-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE tista’ taċċessa informazzjoni relatata mal-MiCAR għall-għanijiet tal-kompiti superviżorji tal-BĊE skont ir-Regolament tal-SSM u jiddeskrivi l-proċeduri li t-Timijiet Superviżorji Konġunti għandhom isegwu meta jwieġbu għal talbiet ta’ skambju ta informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti maħturin mill-Istati Membri biex iwettqu l-funzjonijiet u d-dmirijiet deskritti fil-MiCAR.

Rieżami tal-qafas tal-BĊE għall-eżerċitar tal-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet

Fil-15 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jadotta r-Regolament BĊE/2025/24 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/445 dwar il-mod kif jiġu eżerċitati l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni (BĊE/2016/4), il-Linja Gwida BĊE/2025/25 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2017/697 dwar il-mod kif jiġu eżerċitati l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni Ewropea mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti (BĊE/2017/9) u r-Rakkomandazzjoni BĊE/2025/26 li temenda r-Rakkomandazzjoni BĊE/2017/10 dwar speċifikazzjonijiet komuni għall-mod kif għandhom jiġu eżerċitati ċerti opzjonijiet u diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni Ewropea minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti. Barraminhekk, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għall-approvazzjoni tal-Gwida tal-BĊE aġġornata dwar opzjonijiet u diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni, li tqis il-feedback riċevut matul konsultazzjoni pubblika relatata, li b’rispons għaliha saret ukoll dikjarazzjoni ta’ feedback, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata, fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja.

Gwida tal-BĊE dwar l-esternalizzazzjoni ta’ servizzi tal-cloud lil fornituri ta’ servizzi tal-cloud

Fis-17 ta’ Lulju 2025, il-BĊE ppubblika l-Gwida finali tiegħu dwar outsourcing tas-servizzi cloud lil fornituri tas-servizzi tal-cloud warakonsultazzjoni pubblika, li ntemmet f’Lulju 2024. Il-Gwida ma tistabbilixxix rekwiżiti, prattiki jew regoli legalment vinkolanti. Minflok, tikkjarifika l-istenniji li l-BĊE għandu għall-banek biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-DORA. Tipprovdi wkoll prattiki tajbin dwar ikkuntrattar effettiv lil terzi tal-ġestjoni tar-riskju għal banek taħt is-superviżjoni tal-BĊE li jużaw servizzi ta’ cloud ta’ terzi, abbażi ta’ prattiki tal-industrija osservati. Il-Gwida, flimkien ma’ stqarrija għall-istampa relatata, tinsab fis-sit elettroniku tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Penali amministrattiva imposta fuq bank wieħed taż-żona tal-euro

Fit-18 ta’ Lulju 2025, il-BĊE ħabbar li impona penali amministrattiva ta’ €6.94 miljun lil Belfius Banque S.A. / Belfius Bank S.A./N.V. minħabba nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti relatati mal-implimentazzjoni tal-mudelli interni. Tali mudelli jkejlu r-riskju miżmum mill-bank fuq il-karta bilanċjali. Stqarrija għall-istampa relatata hi disponibbli fis-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.

Gwida tal-BĊE riveduta għall-mudelli interni

Fit-22 ta’ Lulju 2025, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju li l-gwida tal-BĊE riveduta għall-mudelli interni u l-Mistoqsijiet Komuni relatati jiġu approvati, it-tnejn li huma sejrin jiġu ppubblikati dalwaqt fuq is-sit web tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE. Il-liġi bankarja applikabbli teħtieġ li l-BĊE jagħti permess għall-użu ta’ mudelli interni għal riskju ta’ kreditu, riskju tal-kreditu tal-kontroparti u riskju tas-suq, fejn ir-rekwiżiti stabbiliti fil-kapitoli korrespondenti tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (CRR) huma ssodisfati. Il-gwida tal-BĊE għall-mudelli interni tipprovdi trasparenza dwar kif il-BĊE jifhem u għandu l-intenzjoni li japplika r-regoli rispettivi meta jivvaluta mudelli interni abbażi tal-liġi tal-UE u nazzjonali applikabbli.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja