Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
  • 20 ta’ Frar 2020

Rapporti finanzjarji tal-BĊE għall-2019

  • Il-profitt tal-BĊE żdied bi €0.8 biljun għal €2.4 biljun fl-2019 (2018: €1.6 biljun) u tqassam kollu lill-banek ċentrali nazzjonali
  • Dħul nett mill-imgħax fuq titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja: €1.4 biljun (2018: €1.2 biljun)
  • Il-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE żdiedet għal €457 biljun (2018: €447 biljun)

Ir-rapporti finanzjarji verifikati tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-2019 juru li l-profitt għas-sena żdied bi €790 miljun, għal €2,366 miljun, l-aktar bħala riżultat ta’ dħul nett ogħla fuq il-portafoll tad-dollaru Amerikan u fuq il-portafoll tal-programm tax-xiri ta’ assi (APP).

Id-dħul nett mill-imgħax kien ta’ €2,686 miljun fl-2019 (2018: €2,277 miljun). Id-dħul nett mill-imgħax fuq l-assi f’riżervi barranin żdied għal €1,052 miljun (2018: €862 miljun), minħabba ż-żieda fid-dħul mill-imgħax iġġenerat mill-portafoll tad-dollaru Amerikan. Dħul nett mill-imgħax li jirriżulta mill-APP żdied b €316 miljun, għal €1,136 miljun, prinċipalment bħala riżultat ta’ investimenti medji ogħla u rendiment medju ogħla fil-programm ta xiri tas-settur pubbliku (PSPP) matul is-sena meta mqabbel mal-2018. Min-naħa l-oħra, minħabba l-fidi, id-dħul nett mill-imgħax iġġenerat mill-Programm tas-Swieq tat-Titoli (SMP) naqas għal €291 miljun (2018: €384 miljun).

Il-qligħ realizzat mill-operazzjonijiet finanzjarji kien ta’ €197 miljun (2018: telf realizzat €77 miljun), minħabba qligħ realizzat fil-prezz fuq titoli denominati f’dollari Amerikani, minħabba li t-tnaqqis fir-rendiment tal-bonds f’dollari Amerikani matul is-sena kellu impatt pożittiv fuq il-valur tas-suq tagħhom.

Il-valutazzjoni negattiva kienet ta’ €20 miljun (2018: €69 miljun), prinċipalment ġejja minn telf tal-prezz mhux realizzat fuq numru ta’ titoli miżmuma fil-fondi proprji u portafolli tad-dollaru Amerikan.

Isiru testijiet tal-indeboliment fuq it-tioli miżmuma mill-BĊE fil-portafolli tiegħu tal-politika monetarja, li jiġu valutati b’kost amortizzat (soġġetti għal indeboliment). Abbażi tar-riżultati ta’ dawn it-testijiet, ma ġie reġistrat ebda telf minn indeboliment għal dawn il-portafolli.

Dħul mit-tariffi superviżorji, derivat minn tariffi mitluba biex jirkupraw spejjeż magħmula mill-BĊE waqt il-qadi tal-kompiti superviżorji tiegħu, ammonta għal €537 miljun (2018: €518 miljun). Iż-żieda fl-2019 kienet relatata min-numru ogħla medju tal-persunal fis-superviżjoni bankarja.

L-ispejjeż totali tal-persunal żdied b’€566 miljun (2018: €515 miljun) bħala riżultat tan-numru medju ogħla tal-persunal fl-2019, prinċipalment fis-superviżjoni bankarja, u spejjeż ogħla b’rabta ma’ benefiċċji oħra fit-tul li jirriżultaw mill-valutazzjoni attwarja fl-aħħar tal-2019. Spejjeż amministrattivi l-oħra naqsu għal €590 miljun (2018: €599 miljun), l-aktar minħabba tnaqqis fl-ispejjeż relatati mas-servizzi ta’ appoġġ ta’ konsulenza ta’ aġenziji u esterni.

Il-profitt nett tal-BĊE jitqassam lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro (BĊN). Il-Kunsill Governattiv ħa d-deċiżjoni li jqassam profitt interim li jammonta għal €1,431 miljun lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fil-31 ta’ Jannar 2020. Fil-laqgħa tal-bieraħ, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jqassam il-bqija tal-profitt, ta’ €935 miljun, fit-21 ta’ Frar 2020.

Id-daqs totali tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE żdied bi 2% għal €457 biljun (2018: €447 biljun). Din iż-żieda kienet dovuta l-aktar għaż-żieda fil-valur tas-suq tal-assi ta’ riżervi barranin tal-BĊE minħabba ż-żieda fil-prezz tad-deheb u l-apprezzament tad-dollaru Amerikan u l-yen Ġappuniż vis-à-vis l-euro matul is-sena u iż-żieda fil-valur tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni.

Fl-aħħar tal-2019 id-daqs tal-karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema, li tinkludi assi u obbligazzjonijiet tal-BĊNi taż-żona tal-euro u tal-BĊE fil-konfront ta’ terzi, kien ta’ €4,673 biljun (2018: €4,703 biljun). It-tnaqqis żgħir meta mqabbel mas-sena ta’ qabel kien dovut għat-tnaqqis fl-operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema, li kien dovut fil-biċċa l-kbira għal rimborż bikri volontarju fit-tieni serje ta' operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTRO II). L-investimenti tal-Eurosistema f’titoli miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja naqsu b’€19-il biljun għal €2,632-il biljun (2018: €2,651 biljun). L-investimenti fl-APP żdiedu bi €10 biljun għal €2,579 biljun, waqt li t-titoli miżmuma fl-ewwel żewġ programmi ta’ xiri ta’ bonds garantiti (CBPP1 uCBPP2) u fl-SMP naqsu bi €4 biljun u €25 biljun rispettivament minħabba fidi.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, jekk jogħġbok ikkuntattja lil William Lelieveldt, tel.: +49 69 1344 7316.

Noti:

  • Aktar dettalji dwar il-politika tal-kontabilità u tar-rappurtar finanzjarju tal-BĊE u l-Eurosistema u dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE jinsabu fil-websajt tal-BĊE fis-sezzjonijiet Kontabilità u rappurtar u Kontijiet annwali rispettivament.
  • Minn din is-sena, it-tqassim tat-total tal-investimenti SMP tal-Eurosistema mill-pajjiż emittenti huwa ppubblikat fuq il-websajt tal-BĊE taħt it-taqsima tal-Programm tax-xiri tal-Assi .
KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja