Mistoqsijiet komuni dwar euro diġitali
Aġġornat fit-2 ta’ Diċembru 2024
L-iskop u l-benefiċċji tal-euro diġitali
- Għaliex l-Ewropa teħtieġ l-euro diġitali?
- Kif jista’ l-euro diġitali jikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-Ewropa?
- Għaliex in-nies iridu jużaw l-euro diġitali?
- L-euro diġitali jieħu post il-flus kontanti?
- X’valur joffri l-euro diġitali lin-negozjanti?
- X’valur joffri l-euro diġitali lill-intermedjarji?
Implimentazzjoni u funzjonalità
- Kif jaħdem l-euro diġitali?
- Min jista' juża l-euro diġitali?
- Kemm se jkun privat l-euro diġitali?
- Il-BĊE kif se jiżgura li l-euro diġitali jkun inklużiv?
- Il-BĊE kif se jiżgura li l-pagamenti diġitali bl-euro jaħdmu bl-istess mod fiż-żona tal-euro kollha?
- L-euro diġitali jkun munita alternattiva fi ħdan l-Eurosistema?
- X’inhi r-rabta bejn il-pagamenti istantanji u l-euro diġitali?
- L-euro diġitali jkun ibbażat fuq teknoloġija ta’ reġistru distribwit bħall-blockchain?
Il-progress u l-partijiet ikkonċernati
- F’liema stadju jinsab bħalissa l-proġett tal-euro diġitali?
- Min hu involut fil-proġett tal-euro diġitali?
- Kif inhuma involuti l-leġiżlaturi Ewropej fil-proċess?
- Kif qed tiġi żviluppata l-ġabra ta’ regoli għall-euro diġitali?
Impatt u kunsiderazzjonijiet
- L-euro diġitali jkun flus programmabbli?
- In-nies ikollhom iħallsu biex jużaw l-euro diġitali?
- L-intermedjarji jiġu kkumpensati għad-distribuzzjoni tal-euro diġitali?
- L-euro diġitali joħloq theddida għall-istabbiltà finanzjarja billi jiddiżintermedja l-banek?
- L-introduzzjoni tal-euro diġitali tagħmel il-pagamenti fl-Ewropa aktar vulnerabbli għal attakki ċibernetiċi?
- L-euro diġitali kif ikun differenti mill-istablecoins u l-kriptoassi?
- Kemm jiġi jiswa l-proġett tal-euro diġitali għall-Eurosistema?
M1. Għaliex l-Ewropa teħtieġ l-euro diġitali?
Id-diġitalizzazzjoni qed tibdel il-mod kif inħallsu. L-użu tal-flus kontanti biex isiru l-pagamenti qed jonqos u l-bidla lejn xiri online u pagamenti diġitali qed taċċellera. L-euro diġitali jkun forma elettronika ta’ flus kontanti għad-dinja diġitalizzata. Dan jagħti lill-konsumaturi l-għażla li jużaw il-flus tal-bank ċentrali f’format diġitali, u jikkumplementa l-karti tal-flus u l-muniti.
L-euro diġitali jagħmel ħajjet in-nies aktar faċli billi jipprovdi xi ħaġa li bħalissa ma teżistix: mezz diġitali ta’ pagament aċċettat universalment fiż-żona tal-euro kollha, għal pagamenti fil-ħwienet, online jew minn persuna għal oħra. Bħall-flus kontanti, l-euro diġitali jkun mingħajr riskju, aċċessibbli b’mod wiesa’, faċli għall-utent u mingħajr ħlas għall-użu bażiku.
Barra minn hekk, l-euro diġitali jsaħħaħ l-awtonomija strateġika u s-sovranità monetarja taż-żona tal-euro billi jagħti spinta lill-effiċjenza tal-ekosistema tal-pagamenti Ewropea kollha kemm hi, irawwem l-innovazzjoni u jżid ir-reżiljenza tagħha għal attakki ċibernetiċi jew għal tfixkil tekniku potenzjali, bħal qtugħ tal-elettriku.
Aktar informazzjoni minn Għaliex għandna bżonn euro diġitali.
M2. Kif jista’ l-euro diġitali jikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika tal-Ewropa?
L-euro diġitali joffri soluzzjoni ta’ pagament pan-Ewropea, disponibbli fiż-żona tal-euro kollha, taħt il-governanza Ewropea.
Il-pagamenti diġitali fiż-żona tal-euro għadhom frammentati, u jvarjaw skont il-pajjiż u skont il-każ tal-użu. Is-soluzzjonijiet Ewropej attwali ta’ pagament diġitali prinċipalment jindirizzaw is-swieq nazzjonali u każijiet speċifiċi ta’ użu. Biex iħallsu madwar il-pajjiżi Ewropej, il-konsumaturi jridu jibbażaw fuq ftit fornituri mhux Ewropej, li issa jiddominaw il-biċċa l-kbira ta’ dawn it-tranżazzjonijiet.
Għalhekk, l-euro diġitali jista’ jgħin ukoll biex titnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq fornituri ta’ pagamenti privati u mhux Ewropej, filwaqt li jaġixxi bħala kontropiż għad-dominanza tagħhom fis-suq.
Min-naħa tiegħu, l-euro diġitali jagħmel ix-xenarju Ewropew tal-pagamenti aktar kompetittiv u innovattiv billi joffri pjattaforma li tagħmilha aktar faċli għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li joffru soluzzjonijiet pan-Ewropej tagħhom stess.
B’mod ġenerali, euro diġitali ta’ suċċess jista’ jibdel lill-Ewropa f’pijunier globali fil-finanzi diġitali u fil-muniti diġitali tal-banek ċentrali.
M3. Għaliex in-nies iridu jużaw l-euro diġitali?
L-euro diġitali jkun soluzzjoni ta’ pagament għal kull okkażjoni, għall-użu fi kwalunkwe ħin u kullimkien fiż-żona tal-euro. Ikun mezz diġitali ta' ħlas aċċettat universalment li l-konsumaturi jkunu jistgħu jużaw mingħajr ħlas fil-ħwienet, online jew minn persuna għal oħra. Dan jagħti lin-nies l-għażla li jħallsu b’mod diġitali, filwaqt li xorta jużaw mezz pubbliku ta’ ħlas. U se jkun disponibbli kemm online kif ukoll offline.
L-euro diġitali jkun imfassal biex jipprovdi livell ogħla ta’ privatezza minn dak li tipikament joffru metodi oħra ta’ pagament diġitali. L-Eurosistema ma tidentifikax persuni abbażi tal-pagamenti tagħhom. Barra minn hekk, id-dettalji tat-tranżazzjonijiet personali minn pagamenti offline bl-euro diġitali jkunu magħrufa biss lill-pagatur u lill-benefiċjarju.
L-euro diġitali jkun sikur u faċli biex jintuża u jfittex ukoll li jippromwovi l-inklużjoni finanzjarja diġitali billi jiżgura li ħadd ma jitħalla lura. L-euro diġitali jakkomoda l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità u ta’ dawk mingħajr aċċess għal kont bankarju jew li ma għandhomx ħiliet diġitali jew finanzjarji.
Sabiex jiġi żgurat li l-euro diġitali jkun jista’ jintuża u jkun aċċessibbli fiż-żona tal-euro kollha, l-abbozz ta’ proposta leġiżlattiva ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea jipprevedi aċċettazzjoni obbligatorja min-negozjanti u distribuzzjoni obbligatorja mill-intermedjarji taħt superviżjoni lill-klijenti tagħhom.
M4. L-euro diġitali jieħu post il-flus kontanti?
Le. L-euro diġitali jikkomplementa l-flus kontanti, mhux jissostitwihom. L-euro diġitali jkun jeżisti flimkien mal-flus kontanti b’reazzjoni għall-preferenza dejjem akbar tan-nies li jħallsu b’mod diġitali, b’mod rapidu u sigur. Il-flus kontanti jibqgħu jkunu disponibbli fiż-żona tal-euro, kif ukoll il-mezzi elettroniċi privati l-oħra ta' pagament li qed jintużaw bħalissa.
M5. X’valur joffri l-euro diġitali lin-negozjanti?
L-euro diġitali jkun soluzzjoni verament pan-Ewropea, aċċettata fiż-żona tal-euro kollha. Dan jista’ jipprovdi alternattiva aktar faċli u irħas għax-xenarju tal-pagamenti attwalment frammentat li fih jaħdmu n-negozjanti. L-euro diġitali jpoġġi lin-negozjanti f’pożizzjoni aktar b’saħħitha biex jinnegozjaw kundizzjonijiet mal-fornituri ta’ soluzzjonijiet ta’ pagament u b’hekk inaqqsu l-kostijiet tagħhom stess.
L-euro diġitali jista’ jikkontribwixxi wkoll għal rati ta’ konverżjoni ogħla għan-negozjanti. Dan huwa partikolarment rilevanti għax-xiri online, peress li l-klijenti huma inqas probabbli li jirrifjutaw xirja jekk ikunu familjari mal-istrument ta’ pagament. Barra minn hekk, l-euro diġitali jippermetti wkoll lin-negozjanti jirċievu pagamenti istantanjament mingħajr ebda kost addizzjonali.
M6. X’valur joffri l-euro diġitali lill-intermedjarji?
Intermedjarji taħt superviżjoni, bħall-banek, ikollhom rwol ewlieni fid-distribuzzjoni tal-euro diġitali. Dawn jaġixxu bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt għall-individwi, għan-negozjanti u għan-negozji għall-kwistjonijiet diġitali kollha relatati mal-euro u jwettqu s-servizzi kollha tal-utenti finali.
L-euro diġitali jista’ jipprovdi wkoll opportunitajiet ta’ negozju addizzjonali għall-intermedjarji.
Dan jippermetti li l-intermedjarji jkollhom kuntatt immedjat fiż-żona tal-euro kollha, għall-kuntrarju tal-biċċa l-kbira tal-innovazzjonijiet privati, li għandhom it-tendenza li jiffukaw fuq swieq domestiċi speċifiċi. Għalhekk, l-euro diġitali jista’ jservi bħala pjattaforma għall-intermedjarji biex iżidu l-bażi tal-klijenti tagħhom u jiżviluppaw servizzi b’valur miżjud fl-offerta tagħhom (eż. pagamenti kundizzjonali jew programmi ta’ lealtà), filwaqt li jrawmu l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni fis-swieq tal-pagamenti diġitali fiż-żona tal-euro kollha.
Barra minn hekk, il-mudell ta’ kumpens tal-euro diġitali, kif previst bħalissa fl-abbozz ta’ proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni Ewropea, jipprovdi lill-intermedjarji b’inċentivi ekonomiċi komparabbli ma’ mezzi diġitali oħra ta’ pagament.
M7. Kif jaħdem l-euro diġitali?
L-euro diġitali jippermetti lin-nies jagħmlu pagamenti istantanji siguri fi ħwienet fiżiċi u online u bejn individwi, irrispettivament mill-pajjiż taż-żona tal-euro li jkunu fih jew mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tagħhom. Il-BĊE bħalissa qed jesplora kif dan jista' jaħdem fil-prattika.
L-ewwel pass ikun li tiġi stabbilita l-kartiera tal-euro diġitali tiegħek permezz tal-bank tiegħek jew ta’ uffiċċju postali.
Ladarba tiġi stabbilita l-kartiera tal-euro diġitali tiegħek, tista’ tpoġġi l-flus fiha permezz ta’ kont bankarju konness jew billi tiddepożita l-flus kontanti. Imbagħad tkun tista’ tibda tagħmel pagamenti bl-użu tal-euro diġitali fil-kartiera tiegħek.
Kull meta tirċievi flus f’euro diġitali, iżżommhom fil-kartiera tal-euro diġitali tiegħek, sa ċertu limitu, jew tiddepożitahom fil-kont bankarju tiegħek. Tista’ tagħmel dan jew manwalment jew tissettjah awtomatikament.
Il-pagamenti bl-euro diġitali dejjem ikunu sikuri u istantanji – kemm jekk fi ħwienet fiżiċi, fi ħwienet online kif ukoll bejn in-nies.
L-euro diġitali joffri funzjonalitajiet kemm online kif ukoll offline, li jfisser li tista’ tużah anke meta jkollok reception batuta jew l-ebda reception man-network. Barra minn hekk, id-dettalji tat-tranżazzjonijiet personali ta’ pagamenti offline bl-euro diġitali jkunu magħrufa biss mill-pagatur u mill-benefiċjarju, u jipprovdu livell ta’ privatezza simili għal dak ta’ flus kontanti.
Aktar informazzjoni dwar Kif se jaħdem l-euro diġitali.
M8. Min jista' juża l-euro diġitali?
Kif iddikjarat fil-proposta leġiżlattiva ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, l-euro diġitali jkun disponibbli għan-nies, għan-negozji u għall-entitajiet pubbliċi li jirrisjedu jew li huma stabbiliti fi Stat Membru taż-żona tal-euro fuq bażi temporanja jew permanenti.
Persuni li jivvjaġġaw lejn iż-żona tal-euro għal skopijiet personali jew professjonali, jew li kienu jirrisjedu jew huma stabbiliti f’pajjiż taż-żona tal-euro, jista’ jkollhom ukoll aċċess għall-euro diġitali.
Barra minn hekk, in-nies, in-negozji u l-entitajiet pubbliċi li jirrisjedu jew li huma stabbiliti barra miż-żona tal-euro jistgħu jaċċessaw l-euro diġitali billi jiftħu kontijiet tal-euro diġitali ma’ fornituri ta’ servizzi ta’ pagament stabbiliti jew li joperaw f’pajjiż li huwa Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew f’pajjiż terz, soġġett għal ftehim minn qabel konkluż bejn l-UE u pajjiżi terzi, u/jew arranġamenti konklużi bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali fi Stati Membri mhux taż-żona tal-euro u f’pajjiżi terzi.
M9. Kemm se jkun privat l-euro diġitali?
Il-privatezza hija waħda mill-aktar karatteristiċi importanti tad-disinn tal-euro diġitali.
L-euro diġitali huwa mfassal biex ikun jista’ jiffunzjona offline b’mod li joffri lill-utenti b’livell ta’ privatezza simili għal dak ta’ flus kontanti, kemm biex jibagħtu l-flus lil persuni oħra kif ukoll biex iħallsu fil-ħwienet. Meta jħallsu offline, il-pagatur u l-benefiċjarju biss ikunu jafu d-dettalji tat-tranżazzjoni personali tal-pagamenti magħmula.
Għall-pagamenti online bl-euro diġitali, il-privatezza tiġi implimentata sabiex l-Eurosistema nnifisha – l-emittent u l-fornitur tal-infrastruttura ta’ pagament – ma tkunx tista’ tintraċċa direttament it-tranżazzjonijiet ma’ individwi speċifiċi.
Sir af aktar dwar l-euro diġitali u l-privatezza.
M10. Il-BĊE kif se jiżgura li l-euro diġitali jkun inklużiv?
L-euro diġitali jkun ġid pubbliku, bħall-karti tal-flus u l-muniti llum – iżda f’forma diġitali.
L-euro diġitali jkun mingħajr ħlas għall-użu bażiku, permezz ta’ applikazzjoni fuq mobile jew kard fiżika, minn persuni li jixtiequ jużawh. L-euro diġitali jaħdem ukoll offline jekk l-utenti jkollhom konnettività limitata.
L-abbozz ta’ leġiżlazzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea jistabbilixxi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jiddistribwixxu l-euro diġitali jkunu meħtieġa jipprovdu servizzi bażiċi ta’ pagament bl-euro diġitali mingħajr ħlas meta jintalbu jagħmlu dan mill-klijenti tagħhom.
Barra minn hekk, biex jiġi żgurat li kulħadd – inklużi l-persuni b’diżabilità, dawk b’limitazzjonijiet funzjonali jew b’ħiliet diġitali limitati, u l-anzjani – ikun jista’ jħallas bl-użu tal-euro diġitali, l-entitajiet pubbliċi, bħall-uffiċċji postali, se jiġu identifikati f’kull pajjiż taż-żona tal-euro. Dawn l-entitajiet jipprovdu lill-persuni vulnerabbli għall-esklużjoni finanzjarja diġitali b’appoġġ u b’aċċess mingħajr ħlas għas-servizzi tal-euro diġitali, bħal appoġġ wiċċ imb wiċċ u assistenza ddedikata meta jinfetaħ il-kont tal-euro diġitali u jintużaw is-servizzi bażiċi kollha tal-euro diġitali. Aċċess bla ħlas għas-servizzi bażiċi tal-euro diġitali jiġi offrut ukoll lil persuni mingħajr kont bankarju.
Barra minn hekk, se ssir enfasi partikolari fuq l-inklużjoni ta’ gruppi vulnerabbli, bħal individwi mingħajr indirizz fiss, persuni li jkunu qed ifittxu ażil jew benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali.
L-euro diġitali jkun imfassal biex jakkomoda l-ħtiġijiet ta’ kulħadd, mingħajr ma jħalli lil ħadd lura.
M11. Il-BĊE kif se jiżgura li l-pagamenti diġitali bl-euro jaħdmu bl-istess mod fiż-żona tal-euro kollha?
L-intermedjarji taħt superviżjoni (bħall-banek taż-żona tal-euro) ikunu responsabbli għad-distribuzzjoni tal-euro diġitali. Biex jiġi żgurat li l-iskema tal-euro diġitali tiġi implimentata bl-istess mod fiż-żona tal-euro kollha, l-Eurosistema qed tfassal il-ġabra ta’ regoli diġitali tal-euro li tikkonsisti f’sett uniku ta’ regoli, standards u proċeduri għall-istandardizzazzjoni tal-pagamenti bl-euro diġitali, filwaqt li tiżgura firxa pan-Ewropea.
M12. L-euro diġitali jkun munita alternattiva fi ħdan l-Eurosistema?
Le. L-euro diġitali jkun mod ieħor kif inħallsu bl-użu tal-euro, il-munita unika tagħna, fl-Ewropa. Ikun jista’ jinqeleb euro għal euro mal-karti tal-flus. L-euro diġitali jwieġeb għall-preferenza dejjem akbar tan-nies u tad-ditti li jħallsu b’mod diġitali.
M13. X’inhi r-rabta bejn il-pagamenti istantanji u l-euro diġitali?
Illum, il-konsumaturi rarament ikollhom l-għażla li jużaw pagamenti istantanji meta jħallsu fil-ħwienet, li jfisser ukoll li n-negozjanti ma jirċevux flushom immedjatament. L-euro diġitali jibdel dan – il-pagamenti kollha bl-euro diġitali jkunu istantanji.
Is-sett uniku ta’ regoli, standards u proċeduri żviluppati u, jekk jiġu approvati, implimentati għall-euro diġitali jkun ifisser li s-soluzzjonijiet ta’ pagament istantanju jistgħu jiġu żviluppati ulterjorment biex jilħqu l-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro. Dan inaqqas id-dipendenza fuq kumpaniji privati mhux Ewropej li bħalissa qed jiddominaw is-settur tal-pagamenti.
M14. L-euro diġitali jkun ibbażat fuq teknoloġija ta’ reġistru distribwit bħall-blockchain?
L-Eurosistema qed tesperimenta b’teknoloġiji differenti – kemm ċentralizzati kif ukoll deċentralizzati – fl-iżvilupp tal-euro diġitali, inklużi teknoloġiji tar-reġistru distribwit. Madankollu, għadha ma tteħditx deċiżjoni.
M15. F’liema stadju jinsab bħalissa l-proġett tal-euro diġitali?
Wara fażi ta’ investigazzjoni ta’ sentejn, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li jipproċedi għal fażi ta’ tħejjija, li bdiet fl-1 ta’ Novembru 2023.
Il-fażi ta’ tħejjija hija ffukata fuq l-iżvilupp u fuq ittestjar ulterjuri tal-euro diġitali, f’konformità mal-għażliet tad-disinn u mar-rekwiżiti tekniċi definiti matul il-fażi ta’ investigazzjoni.
F'dan il-kuntest, l-Eurosistema qed twettaq analiżi, ittestjar, esperimentazzjoni u involviment estensiv tal-partijiet ikkonċernati, biex tiżgura li l-euro diġitali jissodisfa l-ogħla standards ta' kwalità, sigurtà u użu.
Il-fażi attwali ser iddum sentejn, u tispiċċa fl-aħħar tal-2025, u jkun f’dan il-punt li l-Kunsill Governattiv ser jiddeċiedi jekk jgħaddix għall-fażi li jmiss tat-tħejjijiet u, jekk iva, jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni u t-tul ta' żmien tagħha.
Deċiżjoni dwar jekk jinħariġx l-euro diġitali se tiġi kkunsidrata biss mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE ladarba tkun ġiet adottata l-leġiżlazzjoni rilevanti.
M16. Min hu involut fil-proġett tal-euro diġitali?
L-Eurosistema – il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro – trid tiżgura li l-euro diġitali jissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti. Għal din ir-raġuni, l-Eurosistema tinvolvi ruħha regolarment ma’ dawk li jfasslu l-politika, mal-leġiżlaturi, mal-parteċipanti fis-suq, mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u man-nies li fl-aħħar mill-aħħar jużaw l-euro diġitali.
Dan l-impenn iseħħ f’kuntesti differenti, bħall-Bord tal-Pagamenti bl-Imnut bl-Euro, forum ippresedut mill-BĊE, li jlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati tas-suq tal-pagamenti; u l-Grupp għall-Iżvilupp tal-Ġabra tar-Regoli, li jinkludi rappreżentanti mill-banek ċentrali tal-Eurosistema u s-suq Ewropew tal-pagamenti bl-imnut (ara M20).
Il-BĊE jiddiskuti wkoll b'mod regolari ma':
- kumpaniji privati, li jipprovdu feedback dwar l-aspetti tekniċi tal-euro diġitali, abbażi tal-għarfien u l-għarfien espert tagħhom dwar is-suq;
- l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropea permezz ta’ seminars, biex jisma’ l-fehmiet tagħhom u jrawwem djalogu miftuħ;
- utenti finali potenzjali permezz ta’ stħarriġ, intervisti u gruppi fokus, biex jifhem il-ħtiġijiet u l-preferenzi tagħhom.
Il-BĊE jipparteċipa regolarment fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro mal-ministri tal-finanzi tal-pajjiżi taż-żona tal-euro u jippreżenta l-aħħar aġġornamenti tal-proġett tal-euro diġitali lill-Parlament Ewropew.
Fil-passat, inġabar ukoll feedback permezz tal-Grupp Konsultattiv għas-Swieq, li kien jinkludi esperti li pprovdew input dwar id-disinn tal-prodott u d-distribuzzjoni tal-euro diġitali matul il-fażi ta’ investigazzjoni.
Aqra aktar dwar il-governanza tal-proġetti u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati.
M17. Kif inhuma involuti l-leġiżlaturi Ewropej fil-proċess?
Fit-28 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat abbozz ta’ proposta leġiżlattiva għal euro diġitali possibbli. L-għan tal-leġiżlazzjoni huwa li tiżgura li kwalunkwe euro diġitali futur jagħti lin-nies u lin-negozji għażla addizzjonali biex iħallsu b’mod diġitali bl-użu ta’ forma ta’ flus pubbliċi aċċettata b’mod wiesa’, irħisa, sigura u reżiljenti fi kwalunkwe post fiż-żona tal-euro.
Iż-żewġ proċessi – il-leġiżlazzjoni u d-disinn tal-euro diġitali – se jiżviluppaw b’mod parallel sabiex l-Eurosistema tkun tista’ tkun f’pożizzjoni li toħroġ minnufih l-euro diġitali, jekk u meta d-deċiżjoni tkun iġġustifikata ladarba l-qafas leġiżlattiv ikun ġie adottat.
L-Eurosistema se tikkunsidra kwalunkwe aġġustament meħtieġ għad-disinn tal-euro diġitali li jista’ jirriżulta mid-deliberazzjonijiet leġiżlattivi. Il-BĊE jinsab lest ukoll li jipprovdi appoġġ u kontribut tekniku matul il-proċess leġiżlattiv, kif meħtieġ.
Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE se jiddeċiedi dwar jekk joħroġx l-euro diġitali biss wara li jkun ġie adottat l-att leġiżlattiv.
M18. Kif qed tiġi żviluppata l-ġabra ta’ regoli għall-euro diġitali?
L-Eurosistema stabbiliet Grupp għall-Iżvilupp tal- Ġabra ta’ Regoli biex jabbozza l-ġabra ta’ regoli diġitali għall-euro b’kontribut minn diversi partijiet ikkonċernati.
Il-grupp, li jikkonsisti minn rappreżentanti mill-banek ċentrali tal-Eurosistema u mis-suq Ewropew tal-pagamenti bl-imnut, inklużi l-konsumaturi, il-bejjiegħa bl-imnut u l-assoċjazzjonijiet intermedjarji, qed jaħdem fuq il-bażi tal-għażliet tad-disinn tal-euro diġitali li diġà ġew approvati mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE.
Inħolqu flussi ta’ ħidma ddedikati fi ħdan il-Grupp għall-Iżvilupp tal-Ġabra ta’ Regoli biex issir ħidma fuq taqsimiet tal-ġabra ta’ regoli li jeħtieġu għarfien espert partikolari.
Aktar informazzjoni dwar il-ġabra ta’ regoli għall-euro diġitali.
M19. L-euro diġitali jkun flus programmabbli?
L-euro diġitali qatt m’huwa se jkun flus programmabbli.
Il-flus programmabbli huma forma diġitali ta’ flus użati għal skop predefinit, bħal vawċer, b’limitazzjonijiet fuq fejn, meta jew ma’ min in-nies jistgħu jużawhom.
Kif previst ukoll fil-proposta leġiżlattiva dwar l-euro diġitali ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, l-euro diġitali ma jkunx flus programmabbli iżda jista’ jiffaċilita l-pagamenti awtomatizzati, jekk l-utenti jkunu jridu jużaw din il-funzjoni. Pereżempju, utent jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi pagament awtomatiku ta’ kull xahar biex jittrasferixxi l-euro diġitali b’mod istantanju lill-membri tal-familja jew lill-ħbieb.
M20. In-nies ikollhom iħallsu biex jużaw l-euro diġitali?
L-euro diġitali jkun beni pubbliku. Għalhekk ikun bla ħlas għall-użu bażiku mill-utenti individwali.
Il-banek jew il-fornituri ta’ pagament jistgħu joffru lill-klijenti tagħhom servizzi addizzjonali dwar l-euro diġitali bi ħlas. Dawn is-servizzi addizzjonali jagħmlu l-euro diġitali saħansitra aktar attraenti għall-utenti, billi joffru karatteristiċi bħall-kapaċità li jinqasmu l-kontijiet fost il-ħbieb jew li jsiru pagamenti rikorrenti.
M21. L-intermedjarji jiġu kkumpensati għad-distribuzzjoni tal-euro diġitali?
Diment li tidħol fis-seħħ il-leġiżlazzjoni finali, l-Eurosistema tipproponi mudell ta' kumpens li joħloq inċentivi ekonomiċi ġusti għall-fornituri ta' servizzi ta' pagament, bħall-banek, biex jindirizzaw l-ispejjeż operazzjonali tad-distribuzzjoni tal-euro diġitali.
Kif inhu l-każ bħalissa b’sistemi ta’ pagament oħrajn, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jiddistribwixxu l-euro diġitali jkunu jistgħu jimponu tariffi fuq in-negozjanti għal dawn is-servizzi. L-iffissar tal-prezzijiet għan-negozjanti u għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ikun soġġett għal limitu massimu, kif propost mill-Kummissjoni Ewropea fil-proposta leġiżlattiva tagħha dwar l-euro diġitali.
Bħal fil-każ tal-produzzjoni u l-ħruġ ta’ karti tal-flus, l-Eurosistema ġġarrab l-ispejjeż tal-istabbiliment tal-iskema u tal-infrastruttura tal-euro diġitali. Barra minn hekk, l-Eurosistema jkollha l-għan li timminimizza l-ispejjeż addizzjonali tal-investiment għall-intermedjarji billi kemm jista' jkun terġa' tuża l-infrastrutturi eżistenti.
M22. L-euro diġitali joħloq theddida għall-istabbiltà finanzjarja billi jiddiżintermedja l-banek?
Is-sistema finanzjarja tagħna – bis-sistema bankarja fiċ-ċentru tagħha – tiffunzjona tajjeb, u l-Eurosistema trid tippreserva r-rwol ewlieni li għandhom il-banek fl-iżgurar tal-għoti effiċjenti ta’ kreditu lill-ekonomija reali.
Il-BĊE għamel l-għażliet ta’ tfassil li ġejjin biex jimminimizza kwalunkwe riskju potenzjali li l-euro diġitali jista’ joħloq għas-sistema finanzjarja.
- L-utenti jkunu jistgħu jżommu biss ammont limitat ta’ euro diġitali fil-kont tagħhom. Dan jiżgura li l-euro diġitali jkun ħażna sikura ta’ valur, simili għall-flus kontanti, u b’hekk jippreserva l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tagħna u jipprevjeni l-ħruġ ta’ depożiti bankarji, anke fi żminijiet ta’ kriżi.
- Il-kollegament tal-kartiera tal-euro diġitali tagħhom ma’ kont bankarju jippermetti lill-utenti jagħmlu pagamenti ’l fuq mil-limitu li persuna jkollha u jkopru kwalunkwe nuqqas istantanjament, mingħajr ma jkollhom ipoġġu flus minn qabel fil-kartiera tal-euro diġitali tagħhom (jekk wieħed jassumi li jkun hemm biżżejjed fondi disponibbli fil-kont illinkjat).
Bħal fil-każ tal-flus kontanti, ma jitħallas l-ebda imgħax fuq ammonti f’euro diġitali.
M23. L-introduzzjoni tal-euro diġitali tagħmel il-pagamenti fl-Ewropa aktar vulnerabbli għal attakki ċibernetiċi?
Bħal fil-każ ta’ infrastrutturi diġitali oħra, l-euro diġitali jista’ jkun fil-mira ta’ attakki ċibernetiċi. Biex jittaffa dan ir-riskju, it-tfassil tal-euro diġitali jibbaża fuq teknoloġiji tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku li joħolqu ambjent reżiljenti għaċ-ċiberattakki u li jibqa’ validu fil-futur.
M24. L-euro diġitali kif ikun differenti mill-istablecoins u l-kriptoassi?
L-euro diġitali jkun flus tal-bank ċentrali. Dan ifisser li jkun appoġġat minn bank ċentrali u mfassal biex jissodisfa l-ħtiġijiet tan-nies li jużawh. Bħala tali, dan ikun mingħajr riskju. Barra minn hekk, jirrispetta l-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta. Il-banek ċentrali għandhom mandat biex iżommu l-valur tal-flus, kemm jekk f'forma fiżika kif ukoll jekk f'forma diġitali.
L-istabbiltà u l-affidabbiltà tal-istablecoins fl-aħħar mill-aħħar jiddependu mill-entità li toħroġhom u l-kredibbiltà u l-infurzabbiltà tal-wegħda tagħhom li jżommu l-valur tal-flus maż-żmien. Emittenti privati jistgħu jużaw ukoll dejta personali għal skopijiet kummerċjali.
Ma hemm l-ebda entità identifikabbli li hija responsabbli għall-kriptoassi, li jfisser li l-pretensjonijiet ma jistgħux jiġu infurzati.
M25. Kemm jiġi jiswa l-proġett tal-euro diġitali għall-Eurosistema?
L-investiment fl-euro diġitali huwa kruċjali biex jiġi żgurat li s-settur tal-munita u tal-pagamenti tagħna jibqa’ adattat għall-iskop tiegħu fl-era diġitali.
Il-kost tal-euro diġitali se jiddependi fuq id-disinn finali tiegħu u fuq il-komponenti u s-servizzi relatati li jeħtieġ li jiġu żviluppati. Xi wħud minn dawn il-komponenti, bħas-saldu tal-pagamenti, jiġu żviluppati internament fi ħdan l-Eurosistema. Għal oħrajn, bħall-komponent tas-servizzi offline, nedejna sejħa għall-applikazzjonijiet aktar kmieni din is-sena biex nistabbilixxu ftehimiet qafas ma’ fornituri esterni.
L-Eurosistema ġġarrab l-ispejjeż tal-istabbiliment tal-iskema u tal-infrastruttura tal-euro diġitali, kif ukoll għall-karti tal-flus tal-euro. U bħal fil-każ tal-karti tal-flus, huwa mistenni li dawn il-kostijiet ikunu aktar milli kkumpensati mis-seigniorage ġġenerat[1], għalkemm dan, fl-aħħar mill-aħħar jiddependi fuq l-ammont attwali ta’ euro diġitali miżmum mill-utenti. Il-BĊE huwa impenjat li jżomm l-ispejjeż baxxi billi juża mill-ġdid l-infrastruttura eżistenti kemm jista' jkun, filwaqt li xorta jipprovdi l-euro diġitali li jġib valur lill-konsumaturi u lin-negozjanti.
F’konformità man-natura tiegħu bħala beni pubbliku, l-euro diġitali jkun mingħajr ħlas għal użu bażiku għall-konsumaturi u kosteffiċjenti għan-negozjanti Ewropej. L-Eurosistema ma titlob jew ma tibbenefika minn ebda tariffa ta’ tranżazzjoni f’euro diġitali.
Is-seigniorage tal-karti tal-flus huwa d-dħul miksub mill-BĊE relatat mal-ħruġ tal-karti tal-flus, li huwa żvelat fuq il-karta tal-bilanċ tal-BĊE. Huwa d-differenza bejn l-imgħax miksub fuq it-titoli akkwistati bi skambju għal karti tal-flus maħruġa u l-ispiża tal-istampar u d-distribuzzjoni tal-karti tal-flus.