- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Deċiżjonijiet tal-politika monetarja
12 ta' Diċembru 2024
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jnaqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. B’mod partikolari, id-deċiżjoni li titnaqqas ir-rata tal-faċilità tad-depożitu – ir-rata li permezz tagħha l-Kunsill Governattiv jidderieġi l-pożizzjoni tal-politika monetarja – hija bbażata fuq il-valutazzjoni aġġornata tiegħu tal-prospettiva tal-inflazzjoni, id-dinamiċi tal-inflazzjoni sottostanti u l-qawwa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.
Il-proċess ta’ disinflazzjoni miexi sew kif ippjanat. Il-persunal qed jara l-inflazzjoni ewlenija tilħaq medja ta’ 2.4 % fl-2024, 2.1 % fl-2025, 1.9 % fl-2026 u 2.1 % fl-2027 meta s-Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet ssir operazzjonali. Għall-inflazzjoni minbarra l-enerġija u l-prodotti tal-ikel, il-persunal ibassar medja ta’ 2.9 % fl-2024, 2.3 % fl-2025 u 1.9 % kemm fl-2026 kif ukoll fl-2027.
Ħafna miżuri ta’ inflazzjoni bażi jissuġġerixxu li l-inflazzjoni se tistabbilizza ruħha għal madwar il-mira ta’ 2 % tal-Kunsill Governattiv fuq perjodu ta’ żmien medju fuq bażi sostenibbli. L-inflazzjoni domestika naqset xi ftit iżda tibqa’ għolja, l-aktar minħabba li l-pagi u l-prezzijiet f’ċerti setturi għadhom qed jaġġustaw ruħhom għaż-żieda f’daqqa fil-passat fl-inflazzjoni b’dewmien sostanzjali.
Il-kundizzjonijet ta’ finanzjament qegħdin jillaxkaw, hekk kif it-tnaqqis fir-rati tal-imgħax reċenti tal-Kunsill Governattiv gradwalment qed jagħmlu s-self inqas għali għad-ditti u għall-unitajiet domestiċi. Iżda jibqgħu ikunu stretti minħabba li l-politika monetarja tibqa’ restrittiva u r-rati tal-imgħax tal-passat għadhom qed jittrasmettu għall-istokk pendenti ta’ kreditu.
Issa, il-persunal qed jistenna rkupru ekonomiku aktar bil-mod milli fit-tbassir ta’ Settembru. Għalkemm it-tkabbir reġa’ qabad fit-tielet trimestru ta’ din is-sena, l-indikaturi tal-istħarriġ jissuġġerixxu li dan naqas fit-trimestru attwali. Il-persunal jara l-ekonomija tikber b’0.7 % fl-2024, 1.1 % fl-2025, 1.4 % fl-2026 u 1.3 % fl-2027. L-irkupru mbassar huwa bbażat prinċipalment fuq dħul reali li qed jiżdied - li għandu jippermetti lill-unitajiet domestiċi jikkunsmaw aktar - u lid-ditti jinvestu aktar. Maż-żmien, l-effetti li gradwalment qegħdin jgħibu tal-politika monetarja restrittiva għandhom jappoġġaw irkupru fid-domanda domestika.
Il-Kunsill Governattiv huwa ddeterminat sabiex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza b’mod sostenibbli fil-mira fuq perjodu ta’ żmien medju tiegħu ta’ 2 %. Se jsegwi approċċ dipendenti fuq id-data u laqgħa, laqgħa biex jiddetermina l-pożizzjoni tal-politika monetarja x-xierqa. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv fuq ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tiegħu tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, id-dinamiċi tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv mhuwiex qed jintrabat minn qabel fuq xi direzzjoni partikolari għar-rati.
Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jnaqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. Għaldaqstant, ir-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tad-depożitu, l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u l-faċilità tas-self marġinali sejrin jitnaqqsu għal 3.00 %, 3.15 % u 3.40 % rispettivament, b’effett mit-18 ta’ Diċembru 2024.
Il-programm tax-xiri ta’ assi (APP) u l-programm ta' xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP)
Il-portafoll tal-APP qed jonqos b’ritmu meqjus u prevedibbli, billi l-Eurosistema ma għadhiex tirrinvesti l-ħlasijiet prinċipali kollha mit-titoli li jimmaturaw.
L-Eurosistema ma għadhiex tirrinvesti l-ħlas prinċipali kollu mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP, b’hekk tnaqqas, bħala medja, il-portafoll tal-PEPP b’€7.5 biljun fix-xahar. Il-Kunsill Governattiv se jwaqqaf ir-ri-investimenti taħt il-PEPP fit-tmiem tal-2024.
Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament
Il-banek se jħallsu lura dan ix-xahar l-ammonti li jibqa’ li jkunu ssellfu taħt operazzjonijiet ta rifinanzjament fuq perjodu ta’ żmien itwal fil-mira, u dan jikkonkludi din il-parti tal-proċess ta’ normalizzazzjoni tal-karta tal-bilanċ.
***
Il-Kunsill Governattiv huwa lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu biex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tiegħu ta’ 2 % fuq perjodu ta’ żmien medju u li jippreżerva l-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, l-Istrument tal-Protezzjoni tat-Trasmissjoni huwa disponibbli biex jiġġieled dinamiċi tas-suq li mhumiex mixtieqa u li huma ta’ tfixkil, li joħolqu theddid serju għat-trasmissjoni tal-politika monetarja fost il-pajjiżi kollha taż-żona euro, b’hekk il-Kunsill Governattiv ikun jista’ jġib riżultati b’mod aktar effettiv fil-mandat tiegħu għall-istabbiltà tal-prezzijiet.
Il-President tal-BĊE se jagħti l-fehmiet tiegħu fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fis-14:45 CET illum.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja